Il-Gvern ċass quddiem permessi kontroversjali. Dan wara li matul l-aħħar disa’ snin, Gvern Laburista dgħajjef l-awtoritajiet li suppost huma fdati biex jagħmlu lil pajjiżna post isbaħ u aktar pjaċevoli biex ngħixu fih.
Hekk sostna l-PN, fi stqarrija maħruġa mid-deputat Stanley Zammit.
Il-Gvern Laburista jaf li, wara li fired l-Ambjent mill-Ippjanar, kien hu stess li ħoloq policies, proċeduri u sistemi tqal li jċajpru kompletament it-trasparenza, joħonqu l-konsultazzjoni u jinjoraw lill-istess ħaddiema tal-Awtorità u lil awtoritajiet oħrajn, inkluż lir-rappreżentanti tal-lokalitajiet. U r-riżultat ta’ dan huma deċiżjonijiet kontroversjali, inkonsistenti u konflinġenti.
Il-Partit Nazzjonalista jinnota kif, minkejja li jipprova jiddefendi ruħu bid-deċiżjonijiet meħuda 16-il sena ilu, il-Gvern Laburista ma għandu l-ebda ħeġġa li jibda jsib is-soluzzjonijiet għar-rebus fl-ippjanar li ħoloq hu stess.
Dan kollu qed inaqqar drastikament il-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin u jiżvaluta l-Prodott Malta. Aktar minhekk, il-burokrazija żejda qed twassal għal spejjeż għoljin wisq, fejn qed isir dejjem aktar diffiċli biex il-Maltin u l-Għawdxin isiru s-sidien ta’ djar diċenti.
Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista jesiġi direzzjoni għaqlija, regoli ċari, konsultazzjoni ta’ vera, trasparenza u konsistenza, li jwasslu għal ippjanar ħolistiku b’rispett lejn il-madwar, jikkura l-ambjent naturali, iwassal għal ambjent aktar san u jagħti valur akbar lill-iżvilupp.
Il-Partit Nazzjonalista qed ikompli jiltaqa’ mal-partijiet interessati kollha u qed ikompli jifhem il-ħtieġa estremament urġenti għal riforma radikali fil-proċess u t-tfassil mill-ġdid tal-politika tal-ippjanar u għal reviżjoni tal-pjanijiet lokali.
L-informazzjoni li ħierġa miċ-Ċensiment qed turi li f’dawn l-aħħar snin il-Gvern Laburista mexa b’politika ambjentali żbaljata u b’nuqqas qawwi ta’ p pjanar. Xhieda ta’ dan hu wkoll il-fatt li l-istudju dwar kemm għandna bżonn u kemm nifilħu żvilupp urban u l-politika rurali għadhom ma ġewx konklużi.
Pajjiż modern ma jistax jieqaf jiżviluppa għax inkella jsir mużew tal-antikità u mhux ekonomija vibranti. Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista jemmen li wasal iż-żmien li pajjiżna jagħmel il-pass kuraġġjuż u ma jibqax iqis l-iżvilupp bħala attività li trid issir akkost ta’ kull ħsara li kapaċi tagħmel. Irid żvilupp li hu verament sostenibbli.
Lil hinn mill-politika partiġġjana u x-xinxilli ta’ propoganda, il-Gvern irid, bl-akbar serjetà u trasparenza, u wara konsultazzjoni wiesa’ u ta’ vera, jirrevedi il-policies u l-proċeduri b’riżq żvilupp li jsir bi ħsieb u li jkun kompatibbli mal-użi tal-madwar, kif ukoll li ma joħnoqx il-possibbiltà ta’ oħrajn li jgawdu l-wirt storiku, kulturali u ambjentali.
Hu d-dmir tal-Gvern li jinstiga u jistimola din l-armonija u jmexxi bl-eżempju.
//= $special ?>