Lokali

Issir laqgħa oħra mal-ħaddiema tal-Air Malta

Net News jiżvela li l-Ħamis kien hemm laqgħa oħra bejn il-Ministru Clyde Caruana, il-GWU u t-tmexxija tal-Air Malta ….li matulha sar magħruf li l-ħaddiema li tkeċċew, għalissa, se jibqgħu jaħdmu mal-linja nazzjonali tal-ajru.

Dan meta l-ftehim inizjali kien li dawn suppost kellhom jibqgħu jaħdmu mal-linja nazzjonali tal-ajru sat-12 ta’ Awwissu u wara din id-data, jibdew xogħol ieħor mal-Gvern.

Għalhekk, issa, iktar minn 500 ħaddiem reġgħu spiċċaw ma jistgħu jagħmlu ebda pjanijiet għall-futur taghhom hekk kif ma jafux meta se jiġu trasferiti għal post ieħor.

Persuni li tkellmu ma’ Net News żvelaw li l-ħaddiema se jieħdu l-paga li wegħduhom pero se jibqgħu jitħallsu mill-Air Malta… b’dan kollu se jkompli jitfa’ piż fuq il-linja nazzjonali tal-ajru ta’ pajjiżna.

Fl-istess laqgħa ma ngħatatx informazzjoni dwar l-iskema ta’ irtirar kmieni hekk kif jidher li din il-kwistjoni issa marret f’idejn l-Unjoni Ewropea.

Diversi impjegati qalulna illi dan kollu qed ikompli juri kemm il-Gvern qatt ma kellu pjan ċar għal dawn il-ħaddiema għax kieku ma kienx jasal f’sitwazzjoni fejn kellu jestendi ż-żmien meta dawn il-ħaddiema jitkeċċew. Bil-Gvern issa spiċċa dahru mal-ħajt, u bil-ħaddiema tal-Air Malta jinsabu fil-limbu …u ma jafux x’se jiġri minnhom.