Lokali Qorti

Jordan Azzopardi qal li ħaseb li r-roadblock tal-Pulizija li spiċċa f”car chase’ kien konness ma’ theddid fil-passat

Jordan Azzopardi sostna li x-xahar li għadda irriversja minn roadblock tal-pulizija, għax ma kienx innota li l-vetturi kienu tal-pulizija u kien qed jibża’ min-nies li kienu heddewh fil-passat. L-Ispettur Alfredo Mangion xehed il-Ħamis filgħodu quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras, hekk kif kompliet il-kumpilazzjoni tal-provi fil-konfront tar-raġel, “magħruf bħala el Chapo”.

Azzopardi, li kien ilu fuq libertà proviżorja b’rabta mas-sejba fl-2019 ta’ dik li kienet deskritta bħala fabbrika tad-droga f’farmhouse fil-Wardija, reġa’ ġie arrestat ix-xahar li għadda wara ‘car chase’ fil-Madliena, li fiha ġarrbu ħsarat numru ta’ karozzi.

L-Ispettur Mangion qal lill-Qorti li l-pulizija rċevew ‘tip off’ li l-akkużat kien qed jikser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest u kien qed jistenna li Azzopardi, kien se jkun id-dar tiegħu fil-Madliena. Azzopardi kien intlemaħ fin-Naxxar isuq BMW X3, qal ix-xhud.

“Ġejt infurmat li wara t-3:30pm, vetturi tal-pulizija ppruvaw iwaqqfu l-karozza ta’ Azzopardi ħdejn Busietta Gardens fejn it-traffic lights, iżda għal xi raġuni saq lura u saq bejn il-karozzi u l-ħajt, u kkaġuna ħsara.” L-ispettur kompla jgħid li minkejja dan, il-pulizija rnexxielha ssegwi l-vettura suspettata u sussegwentement osservaw lil Azzopardi jitfa’ xi ħaġa mit-tieqa tax-xufier tal-karozza.

Wara li l-pulizija rnexxielhom iwaqqfu l-vettura ta’ Azzopardi fl-Għarghur, fejn l-uffiċjali rkupraw borża li kien fiha 130g sustanza bajda, suspettata li hija kokaina, fil-post fejn kien deher jitfa’ xi ħaġa barra mill-karozza. Trab abjad kien mifrux madwar iż-żona, żied Mangion.

Tfittxija fir-residenza ta’ Azzopardi f’kumpless residenzjali esklussiv tal-Madliena ma skopriet l-ebda droga jew oġġetti illegali, qal l-ispettur, li kkonferma dan ukoll taħt kontro-eżami li l-liċenzja tal-vettura ta’ Azzopardi kienet tappartjeni għal karozza oħra.

L-akkużat ta stqarrija awdjoviżiva lill-pulizija fit-23 ta’ Lulju, fil-preżenza tal-avukati tiegħu. “Fil-qosor, Azzopardi qal li ma kienx innota li l-vetturi kienu karozzi tal-pulizija u kien jibża’ min-nies li kienu heddewh fil-passat. Ma ammettax li kellu d-droga,” qal lill-Qorti l-Ispettur Mangion.

Żewġ vetturi ċivili, Peugeot 308 u Toyota Vitz ġarrbu ħsarat mill-akkużat waqt il-‘car chase’. Mercieca nforma lill-Qorti li d-difiża kienet f’pożizzjoni li tirranġa minnufih il-ħsarat lill-vetturi ta’ terzi li ġarrbu l-ħsara. Waqt il-kontro-eżami tiegħu mill-avukat difensur Charles Mercieca, l-ispettur kien mistoqsi jekk Azzopardi kienx ikkopera mal-pulizija waqt l-interrogazzjoni tiegħu. U jekk wieġibx għall-mistoqsijiet, staqsa lill-avukat.

“Iva, kieku jien ma ksibtx it-tweġibiet li kont qed nittama għalihom,” wieġeb l-ispettur. Xehed ukoll kuntistabbli tal-pulizija li kien ipparteċipa fl-aħħar arrest ta’ Azzopardi, li ta rendikont simili għal dak tal-ispettur. Huwa qal li kien osserva lill-akkużat jitfa’ borża ta’ kulur abjad mit-tieqa tiegħu fuq in-naħa tas-sewwieq.

Waqt l-arrest ta’ Azzopardi, is-suspettat ġie infurmat li kien qed jiġi arrestat fuq sewqan perikoluż u suspett ta’ pussess ta’ droga, qal il-kuntistabbli. Huwa kien akkumpanja lill-akkużat lura lejn il-pont tal-Madliena fejn il-borża l-bajda dehret tintefa’ barra mill-karozza.

Ix-xhud esebixxa r-rapport tiegħu u mappa taż-żona rilevanti biex turi fejn kienu seħħew l-allegati reati li kien semma fir-rakkont tiegħu. Kontro-eżaminat minn Mercieca, l-uffiċjal qal li kien ġabar ir-rapport ftit jiem wara l-arrest u li kien ipprintja l-mappa “tliet ijiem sa erba’ t’ijiem ilu.”

Wara li l-akkużat ġie mġiegħel jieqaf, il-karozza u s-suspettat kienu mfittxija iżda ma nstabet l-ebda droga fuq il-persuna tiegħu, ikkonferma x-xhud. Id-difiża talbet li t-talba għall-ħelsien mill-arrest tal-akkużat tiġi diskussa fil-qorti fis-seduta li jmiss wara li jinstemgħu l-aħħar xhieda. Il-każ ġie differit għas-17 ta’ Awwissu. L-avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Charles Merceica huma avukati difensuri ta’ Azzopardi f’dawn il-proċeduri.