Lokali

L-awtopsja turi li Karl Muscat miet kawża ta’ problemi fil-qalb

Mill-awtopsja li saret fuq Karl Muscat, ħareġ li huwa miet kawża ta’ problemi fil-qalb.

Fi stqarrija l-Pulizija qalet li mill-awtopsja rriżulta li l-kadavru ma kellux sinjali ta’ vjolenza fuqu jew sinjali li seta’
ddefenda lilu nnifsu minn xi aggressjoni.

L-awtopja kkonkludiet li ma kienx hemm affarijiet oħra li kkaġunaw l-mewt tiegħu, hekk kif aktar testijiet mistennija jiddeterminaw eżatt x’wassal biex tieqaf qalbu.

Ilbieraħ l-Avukat Karl Muscat insatab mejjet fid-dar tiegħu stess fi Triq is-Sirk fis-Swieqi wara li kienu l-qraba tiegħu stess li ċemplu l-Pulizija, u nfurmawhom bis-sejba tal-katavru f’din ir-residenza.

Kollox qed jindika li ma kienx hemm terzi persuni involuti. Dan apparti li ma jidhru ebda sinjali li kien hemm xi zgass fil-propjeta jew xi tip ta’ aggressjoni.

Karl Muscat kien avukat prosekutur fl-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Hu kellu 43 sena.

Dwar dan il-każ inħatret inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Gabriella Vella. Dan filwaqt li l-esperti forensiċi komplew bl-investigazzjonijiet kemm fir-residenza, kif ukoll fuq il-vettura tal-avukat Muscat.