“Se nibqgħu nindirizzaw il-problema tal-għoli tal-ħajja għax qed tnaqqar il-kwalità tal-ħajja ta’ ħafna nies.” F’intervista fuq Net FM, il-Kap tal-PN Bernard Grech qal l-Partit Nazzjonalista jemmen li din hija kwistjoni importanti ħafna li qed jindirizzaha b’mod konrket billi ta s-soluzzjonijiet iżda l-Gvern ta’ Robet Abela ma jridx jirrikonoxxi li għandu problema.
Huwa qal li mhux ġust li l-Gvern jibqa’ jagħti l-flus lil Vitals meta kulħadd jaf li s-servizz tas-saħħa mar lura b’mod allarmanti fosthom mediċini out of stock, waiting lists ma jispiċċaw qatt, wards li jinsabu mitluqa u l-mod kif qed jiġu trattati n-nurses.
Bernard Grech tkellem fost l-oħrajn dwar in-nuqqas ta’ sigurtà f’pajjiżna hekk kif il-Gvern nesa wkoll lill-Pulizija. Gvern li għandu Ministru tat-toroq li jitfa’ t-tort tat-traffiku fuq il-festi.
Il-Kap tal-PN qal li kemm il-Partit Laburista ilu fil-Gvern, id-dejn tal-pajjiż żdied b’mod eżaġerat. Saħaq li lill-ħaddiema tal-Air Malta wegħduhom minn kollox imma issa nbidel kollox… kif anke ġara ma’ diversi ħaddiema oħra f’setturi differenti.
Dwar il-work life balance, Bernard Grech qal li permezz tal-ħidma tal-MEP Nazzjonalista David Casa, il-familji Maltin se jkollhom iktar għajnuna iżda l-Gvern se jkun qed idaħħal biss il-minimu li huwa rikjest mill-Unjoni Ewropea.
Bernard Grech qal wara l-Kunsill Ġenerali li tlaqqa’ ftit tal-jiem ilu, fejn Alex Perici Calascione kien elett Viċi Kap, il-PN qed ikompli jiġġedded permezz ta’ ristrutturar fil-media tal-Partit kif ukoll permezz tat-tisħiħ tal-kumitati.
Huwa rringrazzja lill-eks Viċi Kapijiet Robert Arrigo u David Agius għall-ħidma tagħhom matul is-snin li servew fil-karigi rispettivi tagħhom. Dan filwaqt li appella biex wieħed jara biss l-interessi tal-pajjiż u tal-Partit Nazzjonalista fejn kulħadd għandu jaħdem flimkien.