Il-mod kif kien qed iwieġeb Mustafa El Madhoun, student ta’ 28 sena mill-Bulgarija, anke domandi sempliċi u n-nuqqas ta’ konsistenza tiegħu fejn meta twaqqaf mill-Pulizija qalilhom li l-vann kellu ikel tal-annimali u ċana li ġabhom mill-Awstrija, wassal biex il-Pulizija jaħsbu ħażin fih, anke jekk kien kelb tal-Pulizija li kkonferma finalment li l-Bulgaru allegatament kien qed iġorr id-droga 38 kilo droga.
Fil-vann instabu ħames kilogrammi kokaina, erba’ kilogrammi eroina u 29 kilogramm cannabis, b’valur fis-suq li jlaħħaq il-€1.5 miljun. L-istudent jinsab akkużat b’importazzjoni tad-droga bi skop ta’ traffikar, liema droga kienet kokaina, eroina u cannabis f’ammonti li juru li din ma kinitx għal użu esklussiv tiegħu.
Quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras bdiet tintema’ l-kumpilazzjoni fejn xehdet l-Ispettur Justine Grech mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga, li ressqet lill-akkużat. Hija qalet li d-diskrepanza bejn l-ispejjeż tat-trasport u l-valur tal-merkanzija ddikjarata mill-akkużat kienet fost il-fatturi li tard il-Ħadd filgħaxija li għadda wasslu lil-Pulizija biex jindew jaħsbu li kien hemm xi ħaġa li ma bdietx tagħmel sens u li wara sabu d-droga fil-vann misjuq miż-żagħżugħ.
Hija qalet li s-suspetti tal-Pulizija fil-konfront tal-Bulgaru komplew jiżdiedu minħabba li huwa biddel il-booking tiegħu diversi drabi. Fattur ieħor li ħassibhom ħażin kien għall-mod ta’ kif beda jwieġeb għal “domandi sempliċi” li sarulu minn uffiċjali għolja tal-Pulizija.
Fill-fatt meta ġie avviċinat mill-Pulizija, El Madhoun qallhom li fil-vann kellu ċana u ikel tal-annimali. Hawn il-kelb tal-Pulizija mill-ewwel beda jagħti ndikazzjoni li kien hemm xi ħaġa suspettuża. Għaldaqstant il-Pulizija ħabbtu ma’ ġewwa tal-vann, u skorew b’vojt li kien hemm fil-vann fejn instabu kompartamenti foloz fejn kienet qed tinżamm id-droga.
Il-Bulgaru wasal bil-baħar minn Sqallija. Il-Pulizija kienu spjegaw li l-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga kellha tagħrif li vann li kien abbord il-katamaran li kien għadu kemm telaq mill-Port ta’ Pozzallo allegatament kellu kunsinna droga. Spezzjoni li saret fil-Port il-Kbir mal-wasla tal-katamaran wasslet biex l-imġiba ta’ kelb tal-Pulizija indikat li f’dan il-vann kien hemm xi ħaġa suspettuża.
il-vann kien ġie eskortat minn uffiċjali tar-Rapid Intervention Unit lejn il-garaxx tal-Pulizija fil-Floriana fejn fil-preżenza tal-Bulgaru l-uffiċjali mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga għamlu tfittxija fih. Hawnhekk, ġie nnutat li l-vann kellu kompartimenti foloz u wara li ġie żarmat il-ħadid li kienu qed jaħbu dan l-ispazju, fejn instabet id-droga. Il-kumpilazzjoni mistennija tkompli nhar l-Erbgħa, 17 ta’ Awwissu.
//= $special ?>