Internazzjonali

Ukrajna: Tħassib dwar faċilità nukleari ‘fejn is-sitwazzjoni saret inkontrollabbli’

Il-faċilità nukleari ta’ Zaporizhzhia – li hi l-akbar kumpless ta’ dan it-tip fl-Ewropa – tinsab ‘f’sitwazzjoni kompletament inkontrollabbli’ mindu spiċċat okkupata mill-qawwiet Russi waqt il-fażi bikrija tal-invażjoni tal-artijiet Ukreni mit-truppi tal-Kremlin.

Dan qalu  Rafael Grossi, il-Kap tal-International Atomic Energy Agency (IAEA) li wissa li l-faċilità tinsab fi ħtieġa urġenti ta’ spezzjoni u tiswijiet qabel ikun tard wisq. Grossi, fl-istess ħin, irrefera għall-‘aħħar katalgu ta’ azzjonijiet fl-inħawi u li ma jridu jsiru fl-ebda kumpless nukleari jew fil-madwar’ .

Il-faċilità ta’ Zaporizhzhia tinsab qrib ħafna taz-zoni fejn għaddejjin il-battalji bejn it-truppi Ukreni u l-qawwiet Russi – bis-Segretarju tal-Istat Amerikan Antony Blinkin  jakkuża lir-Russi b’li qed jużaw  din il-faċilità bħala bażi militari minfejn qed jattakkaw lis-suldati tal-Ukrajna.

Il-faċilità ilha f’idejn ir-Russi minn Marzu u l-uffiċjali Ukreni qalu li r-Russi qegħdin jistazzjonaw it-truppi – minbarra li qed jaħżnu t-tagħmir militari – fl-artijiet tal-kumpless maġenb ix-Xmara Dnipro, lejn in-nofsinar tal-Ukrajna.

Ir-Russja, min-naħa tagħha, akkużat lill-qawwiet Ukreni b’li qed jużaw l-armamenti pprovduti lilhom mill-Punent biex jattakkaw lil din il-faċilità. Intant, xi kelliema f’Moska qalu li l-uffiċjali Russi huma lesti biex juru lill-IAEA li t-truppi tagħhom qed jiddefendu l-faċlità ‘fost l-attakki tal-qawwiet Ukreni’.

Meta l-qawwiet Russi kienu ħatfu l-kontroll tal-faċilità, il-komunità internazzjonali esprimiet inkwiet kbir dwar il-bumbardamenti (tar-Russi) fuq il-bini ta’ dik iz-zona. Il-faċilità inkwistjoni għadha  sallum qed titħaddem mill-istaff Ukreni li huma ‘ikkontrollati’ mir-Russi.

Meta tkellem waqt konferenza fil-kwartieri-ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fi New York, Rafael Grossi qal li s-sitwazzjoni fil-faċilità ta’ Zaporizhzhia  hi fraġli ħafna wara l-abbuż ta’ kull prinċipju tas-sigurtà fil-qasam nukleari.

Id-Direttur-Ġenerali tal-IAEA qal li din is-sitwazzjoni ma tistax tkompli u li hu qed jistinka bil-għan li missjoni tal-aġenzija tkun tista’ żżur il-faċilità mill-aktar fis. Madankollu, żjara bħal din tirrikjedi l-approvazzjoni kemm tal-Ukrajna kif ukoll tar-Russja, flimkien mal-awtorizzazzjoni tan-NU minħabba l-element ta’ sogru relatat ma’ kwalunkwe żjara minn delegazzjoni internazzjonali f’xi zona tal-gwerra.