Lokali

“Anzjani mbeżżgħa mill-iscooters; ħtieġa ta’ infurzar u regolamentazzjoni aħjar”

Bosta anzjani qed jispiċċaw imbeżża’ hekk kif jaraw scooter ġej lejhom, u l-mod kif ħafna minn dawn l-iscooters qed jispiċċaw mitluqa f’nofs bankini u passaġġi qed tkun problema oħra għal persuni b’diffikultà ta’ mobilità, persuni f’wheelchairs u oħrajn b’pushchairs.

Fl-aħħar snin f’pajjiżna, l-użu ta’ dawn l-iscooters żdied ferm, iżda l-mod kif qed jintużaw mhux dejjem qed ikun konformi mar-regoli tat-traffiku u qiegħed saħansitra xi drabi jkun ta’ periklu għal min jinzerta għaddej bil-mixi minn ħdejhom.

RITRATT: MARTIN AGIUS

Minħabba f’hekk, is-sindki tal-lokalitajiet li jiffurmaw ir-Reġjun Lvant sejħu konferenza tal-aħbarijiet li matulha appellaw għal regolamentazzjoni aħjar fuq dawn l-iscooters, u infurzar kif suppost.

Anthony Chircop, President tar-Reġjun qal li filwaqt li l-Kunsilli jifhmu l-importanza ta’ mezzi ta’ trasport alternattivi… dawn ma jistgħux jinjoraw ir-regoli tat-traffiku u ma jistgħux jintuża għad-detriment ta’ min ikun miexi jew qed jużaw il-bankina.

Skont ir-regoli li jeżistu bħalissa, dawn l-iscooters jistgħu jinstaqu fuq bankina, promenade, bike lanes u zoni pedonali sa massimu ta’ 10km/siegħa u fit-toroq skont id-direzzjoni tat-traffiku b’veloċità sa massimu ta’ 20km/siegħa.

Madankollu, bosta huma d-drabi meta dawn il-vetturi jinstaqu b’velocità qawwija anke fost in-nies u fuq il-bankini, u mhux darba jew tnejn tarahom misjuqa kontra d-direzzjoni tat-traffiku; b’uħud jużawhom bħala forma ta’ divertiment iktar milli bħala mezz ta’ trasport.

Anthony Chircop qal li fil-bidu ta’ Ġunju r-Reġjun talab laqgħa ma’ Transport Malta biex ikun hemm aktar diskussjoni dwar dan.

Madankollu sa issa għadhom qed jistennew tweġiba – filwaqt li meta l-istess Reġjun ressaq it-tħassib tiegħu lill-Ministru Aaron Farrugia, hu talab li dawn l-ilmenti jintbagħtu bil-miktub.

Sa issa, r-Reġjun għadu qed jistenna t-tweġiba anke mill-Ministru.