Lokali

Diżappuntati dwar il-mod li bih il-Gvern daħħal il-Liġi tal-Work Life Balance

Ritratt: Martin Agius

Disa’ għaqdiet favur id-drittijiet tal-ġenituri, id-drittijiet tal-ħaddiema u l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa bagħtu ittra lil Andy Ellul, Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, li kien responsabbli għat-traspożizzjoni tad-Direttiva Ewropea dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata. F’din l-ittra, l-għaqdiet talbu għal konsultazzjoni usa’ dwar id-Direttiva bil-għan li tittejjeb b’mod sinifikanti l-liġi dgħajfa li daħlet fis-seħħ kmieni f’Awwissu.

L-għaqdiet esprimew id-diżappunt tagħhom fi tliet punti: l-ewwel u qabel kollox, it-traspożizzjoni attwali tad-Direttiva mhux se tilħaq l-għan oriġinali tagħha – dik li tippermetti lill-ħaddiema Maltin jgħaqqdu b’suċċess ix-xogħol mar-responsabbiltajiet tal-familja u l-kura. It-tieni, dawn il-liġijiet il-ġodda se jipprovdu biss il-minimu meħtieġ mid-Direttiva tal-UE.

“Għaliex il-Gvern Malti mhux qed jagħti viżjoni ambizzjuża li tispira u li tassew ittejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-ħaddiema u tħalli impatt pożittiv fuq is-soċjetà Maltija?”, staqsew l-għaqdiet. Fl-aħħar nett, il-konsultazzjoni saret wara bibien magħluqa għal tliet snin sħaħ, fi spirtu għal kollox mhux demokratiku, mingħajr ma ġew ikkonsultati l-għaqdiet u l-akkademiċi rilevanti.

Il-liġi tista’ tittejjeb bil-kbir biex jissaħħaħ il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata tal-ħaddiema. It-traspożizzjoni attwali tal-liġi qed tiddiżappunta lis-soċjetà Maltija; dawk il-ħaddiema li huma ġenituri u/jew għandhom responsabbiltajiet ta’ kura, dawk li għandhom bżonn il-familja tagħhom biex tieħu ħsiebhom, ġenerazzjonijiet Maltin tal-ġejjieni u dawk li jridu jaraw ugwaljanza akbar bejn l-irġiel u n-nisa.

L-għaqdiet ippreżentaw ħames eżempji ta’ kif tista’ tissaħħaħ il-liġi. Nibdew mill-għaxart ijiem leave ta’ paternita’ li huma mħallsa bis-sħiħ – il-grupp qed jistaqsi għaliex dan il-leave jeħtieġ li jittieħed immedjatament wara t-twelid jew l-adozzjoni tal-wild. L-implimentazzjoni attwali tonqos milli tagħraf li l-familji kollha għandhom bżonnijiet differenti.

It-tieni element tal-liġi li jista’ jittejjeb għandu x’jaqsam mal-leave tal-ġenituri. Mill-erba’ xhur disponibbli, tnejn biss se jkunu mħallsa, u dan huwa bir-rata ta’ sick-pay ta’ €21.85 kuljum. Għaliex il-ġenituri se jitħallsu b’rata ta’ sick pay meta jkunu f’saħħithom u meta jkunu qed jipprovdu servizz lis-soċjetà bil-kura tagħhom? Jirrealizza l-Gvern li dawn il-flus mhux se jservu wisq f’perjodu meta l-ispejjeż tal-familja qed jogħlew f’daqqa, speċjalment biż-żieda riċenti fl-għoli tal-ħajja? Sakemm din ir-rata ma tiġix riveduta, ftit ġenituri se jkunu jaffordjaw li jieħdu dan il-leave. Speċifikament, ftit missirijiet se jaffordjaw li jagħmlu dan, li jfisser li se tibqa’ r-responsabbiltà tan-nisa li jipprovdu kura mhux imħallsa, jew imħallsa ħażin, lill-familja.

It-tielet element tal-liġi li jeħtieġ titjib jikkonċerna l-leave tal-ġenituri wkoll. Il-liġi tgħid li l-porzjon imħallas tal-leave tal-ġenituri ma jistax jintuża f’daqqa, iżda jista’ jintuża biss xahar sakemm il-wild ikollu erba’ snin. L-għaqdiet qed jitolbu flessibbiltà f’dan ir-rigward biex il-porzjon imħallas tal-leave tal-ġenituri jkun jista’ jittieħed skont il-bżonnijiet tal-familja.

Jeħtieġ li tiġi indirizzata wkoll il-miżura tal-leave tal-carers, fejn il-ħaddiema li għandhom responsabbiltajiet ta’ kura jistgħu jieħdu sa ħamest ijiem leave bla ħlas. Għal darb’oħra naraw lill-Gvern qed jieħu lil dawk il-ħaddiema li qed jagħtu servizzi ta’ kura for granted. Dan il-leave għandu jitħallas b’mod adegwat u ġust. Il-Gvern jeħtieġ li jieqaf ixerred il-mudell tal-karità.

Fl-aħħar nett, jeħtieġ li l-Gvern jerġa’ jeżamina mill-ġdid il-miżura li tagħti d-dritt lill-ħaddiema li huma ġenituri ta’ tfal ta’ inqas minn tmien snin u lill-ħaddiema li għandhom responsabbiltajiet ta’ kura li jitolbu arranġamenti ta’ xogħol flessibbli. Il-miżura ma tistabbilixxi l-ebda kriterji dwar liema talbiet għandhom jiġu sodisfatti. Barra minn hekk, il-fatt li l-miżura hija applikabbli biss għall-ġenituri u dawk b’responsabbiltajiet ta’ kura, jerġa’ juri li l-Gvern ma jafx ir-realtaijiet tal-ħajja tas-soċjetà tal-lum.

Id-dritt li jintalbu arranġamenti ta’ xogħol flessibbli għandu jkun disponibbli għal kulħadd.
Is-suġġerimenti kollha ta’ hawn fuq jindikaw b’mod ċar li l-miżuri li ġew implimentati m’huma xejn ħlief eżerċizzju ta’ ‘tick box’ biex Malta tikkonforma mar-rekwiżiti tad-Direttiva.

L-għaqdiet qed jagħmlu talba lill-Gvern biex isaħħaħ u jtejjeb il-liġi attwali biex jinbena futur aħjar għas-soċjetà Maltija.

L-għaqdiet jagħmluha ċara wkoll li qed jistennew risposta minn Andy Ellul biex jispjega lilhom u lill-popolazzjoni Maltija x’passi se jittieħdu biex titjieb il-liġi attwali dwar id-Direttiva tax-xogħol u l-ħajja.