Internazzjonali

Erbgħa fil-periklu tal-mewt wara li ntlaqtu minn sajjetta qrib il-White House

Erbgħa persuni jinsabu fil-periklu li jitilfu ħajjithom wara li l-Ħamis filgħaxija ntlaqtu minn sajjetta meta kienu fi ġnien qrib il-White House, l-Amerika.

Żewġ nisa u żewġ irġiel kienu jinsabu f’Lafayette Park f’Washington minkejja rapporti biex wieħed ma joħroġx barra bla bżonn hekk kif iż-żona kienet se tintlaqat minn maltempata kbira.

Jidher li kienu propju membri tas-servizz sigriet tal-White House li taw l-ewwel għajnuna tagħhom lill-vittmi hekk kif il-każ seħħ viċin iż-żona. Iktar tard, huma ttieħdu fi sptar viċin biex jingħataw il-kura meħtieġa għal feriti ta’ natura serja li sofrew.

L-identità ta’ dawn in-nies għadha mhix magħrufa.