Internazzjonali

Iċ-Ċina: Tkompli bl-eżerċizzji militari qrib ħafna tat-Tajwan

Il-militar taċ-Ċina, fl-aħħar sigħat, kompla bl-eżerċizzji tal-gwerra fi tliet zoni madwar it-Tajwan u fejn spikkaw is-simulazzjonijiet ta’ kumbattimenti mill-ajru u mill-baħar  qalb iz-zoni marittimi lejn it-tramuntana, il-lbiċ u l-lvant tal-gżira- Stat ‘ribelluża’

L-istqarrijiet minn Beijing qalu li l-eżerċizzji għandhom ‘jeżaminaw il-kapaċitajiet militari tal-qawwiet ( Ċiniżi) għal waqt azzjonijiet konġunti’, Dan meta, fl-aħħar jumejn, ‘il fuq minn 100 ajruplanimilitari u għaxar bastimenti tal-gwerra ħadu sehem f’eżerċizzji magħrufin bħala live-fire drills ftit ‘il barra mit-Tajwan.

Fl-istess ħin, il-militar Tajwaniż sostna li, jekk hemm bżonn, jinsab lest biex jiddefendi lis-sigurtà tat-Tajwan ‘permezz ta’ azzjoni soda u determinata’.

Il-Ministeru tad-Difiża Tajwaniż, intant, qal li l-qawwiet taċ-Ċina infiltraw ‘bi ħsieb’ il-linja medjana li tissepara lit-Tajwan miċ-Ċina u li l-azzjoni ta’ Beijing affettwat ħażin ħafna s-sitwazzjoni fiz-zona magħrufa bħala Taiwan Strait.

L-aħħar kelma, intant,  kienet tal-President tat-Tajwan, Tsai Ing-wen, li kkonfermat li l-Gvern u l-militar tagħha qed ikomplu jsegwu l-iżviluppi b’attenzjoni kbira filwaqt li sejħet għall-appoġġ mingħand il-komunità internazzjonali.