Il-frustrazzjoni ta’ ħafna sewwieqa kompliet tfur meta l-Ministru Aaron Farrugia waħħal fil-festi għat-traffiku li qed joħnoq pajjiżna f’kull ħin tal-ġurnata, bil-Partit Nazzjonalista jgħid li l-ammissjoni tal-falliment tal-Gvern ġejja mill-Ministru tiegħu stess.
Il-kelliem tal-PN għat-Trasport Adrian Delia spjega ma’ Net News x’inhuma l-kawżi prinċipali għall-kaos li qed ikun hemm ta’ kuljum fit-toroq ta’ Malta.
Fost il-fatturi prinċipali semma l-fatt li fit-toroq tagħna jiżdiedu medja ta’ 45 karozza kuljim, in-nuqqas ta’ ppjanar fejn jidħlu x-xogħolijiet tat-toroq u l-fatt li ma jeżistix immaniġġjar tat-traffiku kif suppost.
Adrian Delia għamel numru ta’ proposti li jistgħu joffru soluzzjoni għall-problemi preżenti. Hu semma l-ħtieġa li meta jkunu se jsiru xogħolijiet isir pjanar u jinstabu toroq alternattivi, regolamentazzjoni aħjar bħal per eżempju fil-każ tal-iscooters, u l-possiblità li x-xogħolijiet isiru fuq three shift.
Il-kellliema tal-PN semma bħala eżempju t-triq tal-ajruport li wara sentejn ta’ pandemija fejn setgħu saru ħafna aktar xogħolijiet, għadha għaddejja b’xogħol kajman, fejn ħafna drabi ma jkunx hemm akar minn tlieta jew erba’ ħaddiema fuq is-sit.
//= $special ?>