Internazzjonali

Il-kriżi tat-Tajwan maċ-Ċina: Il-Gvern Tajwaniż jiddefendi ż-żjara sinifikanti ta’ Nancy Pelosi

Il-Ministru Tajwaniż għall-Affarijiet Barranin Joseph Wu iddefenda ż-żjara kontroversjali – u sinifikanti – tal-iSpeaker tal-Kamra Amerikana tar-Rappreżentanti fit-Tajwan filwaqt li kkundanna bla riservi l-eżerċizzji militari attwali taċ-Ċina fil-madwar ta’ pajjiżu.

Filwaqt li ċ-Ċina intensifikat l-eżerċizzji tal-gwerra ftit għexieren ta’ kilometri ‘il bogħod mit-Tajwan, il-Gvern f’Tapjej, flimkien mal-Ministru Wu, irreferew għaż-żjara ta’ Nancy Pelosi bħala ‘ferm simbolika’ waqt li komplew iwasslu l-messaġġ li t-Tajwan mhux se jkun intimidat mill-ġar aggressiv.

Fil-fatt, Joseph Wu għamilha ċara li l-eżerċizzji militari taċ-Ċina mhumiex se jwaqqfu lit-Tajwan milli jistieden lill-politiċi demokratiċi barranin biex iżuru artu. Fl-istess ħin, Wu wissa li l-ambizzjonijiet territorjali taċ-Ċina jmorru ferm ‘il hinn mit-Tajwan u li l-Gvern komunista f’Beijing għandu pjani ċari għall-espansjoni politika fil-kontinent tal-Asja

Għal dawn l-aħħar snin, Joseph Wu kien il-wiċċ pubbliku għall-kampanja tat-Tajwan biex jikseb għarfien akbar mill-pajjiżi tad-dinja bħala Stat sovran u indipendenti. Kien proprju dan il-Ministru li witta t-triq għaż-żjara ta’ Nancy Pelosi fit-Tajwan (din il-ġimgħa) u issa qed jiffaċċja r-reazzjoni furjuża taċ-Ċina li qed tinsisti bid-dritt fuq it-Tajwan bħala ‘provinċja ribelluża tagħha’.

Iżda minkejja dawn il-jiem ta’ taqlib, il-Ministru Tajwaniż għall-Affarijiet Barranin żgur mhux beħsiebu jitlob xi apoloġija liċ-Ċina. Fil-fatt, Joseph Wu hu sodisfatt li ż-żjara ta’ Pelosi għenet biex id-dinja tevalwa mill-ġdid is-sitwazzjoni tat-Tajwan li ilu ħafna snin jikkonfronta t-theddid miċ-Ċina.

Għalkemm it-Tajwan hu Stat indipendenti fejn il-poplu jitħalla jagħżel il-Gvern li jrid hu, iċ-Ċina bl-ebda mod ma taċċetta li l-mexxejja tad-dinja jirrikonoxxu dan il-pajjiż b’mod uffiċjali. Dan waqt li ċ-Ċiniżi komunisti ħabbru li ‘qed ikunu imposti s-sanzjonijiet’ fuq l-iSpeaker tal-Kamra Amerikana tar-Rappreżentanti u qrabatha b’konsegwenza taż-żjara tagħha fit-Tajwan.

Fl-istess ħin, it-Tajwan irnexxielu jwassal messaġġ qawwi lill-komunità internazzjonali fi żmien meta ċ-Ċina qed tagħmel minn kollox biex tiżola lill-gżira-Stat mill-kumplament tad-dinja.

“Wieħed irid jaċċetta s-sinifikat ta’ żjara fit-Tajwan minn persuna importanti bħalma hi Nancy Pelosi’, sostna Joseph Wu. Dan meta rnexxa l-pjan biex il-profil tat-Tajwan jingħata prominenza madwar id-dinja – fost il-messaġġ biex il-komunità nternazzjonali tittratta lit-Tajwaniżi bħala poplu sovran.

Il-Gvern Tajwaniż, fl-istess ħin, qed jenfasizza li ‘ma kienx it-Tajwan li wassal għal din il-kriżi’ u li ċ-Ċina qed iżżid l-aggressività fil-konfront tal-ġar ‘fost l-isforzi biex tibdel ir-regoli li ilhom japplikaw għal snin fiz-zona’.

Għaldaqstant, it-Tajwan qed jesiġi biex jinżamm is-status quo – f’dan il-każ li t-Tajwaniżi ma jkollhom l-ebda ġurisdizzjoni fuq kwalunkwe art taċ-Ċina waqt li Beijing ma jkollu l-ebda ġurisdizzjoni fuq il-gżira Stat inkwistjoni.