Lokali Qorti

Multa ta’ €3,000 għal anzjan li offenda lill-eks sieħba u l-ħabiba tagħha fuq Facebook

Anzjan ta’ 64 sena miż-Żejtun ġie immultat €3,000 mill-Maġistrat Rachel Montebello wara li sabitu ħati li hedded lill-eks sieħba tiegħu kif ukoll lill-ħabiba tagħha u dan bi kliem bħal li kien se jagħmlilhom bomba u jidfinhom fil-ħofra li kien diġa’ lesta għalihom. Kien hemm ukoll tgħajjir bil-mard u ritratti ta’ xjaten, skeletri, wirdien u persuni sfigurati.

Dan it-theddid kien isir fuq Facebook fejn Carmelo Calleja nstab ħati li fit-3 u l-4 ta’ Frar 2020, u fil-jiem ta’ qabel, permezz ta’ apparat tal-komunikazzjoni hedded li se jagħmel reat kontra ż-żewġ nisa, li heddidhom billi daħal f’sistema kompjuterizzata meta ma kellux permess jidħol.

Il-każ kellu l-bidu tiegħu meta l-ħabiba tal-mara bdiet tirċievi diversi messaġġi fuq il-Facebook li dehru li kienu qed jintbagħtu mill-mara stess. Din maħsuda qaltilha li ma kinitx hi li bagħtithom u rrappurtat il-każ lis-Cyber Crime Unit tal-Pulizija li bdew jinvestigaw.

Il-mara xehdet illi hija sabet li ma kellhiex aċċess għall-Facebook mit-telefon ċellulari tagħha. L-għada filgħodu s-sieħba tagħha qaltilha li kienet qed tirċievi messaġġi minn fuq il-kont fuq Facebook tagħha, iżda dak il-ħin hija ma kienetx qiegħda online għaliex ma kellhiex aċċess għall-Facebook.

Il-mara sostniet li dawn il-messaġġi ma setgħetx bagħtithom hi għaliex filwaqt li kellha aċċess għal messenger, ma kellha lebda aċċess għall-kont tagħha fuq Facebook iżda fl-istess waqt, dan il-kont kien attiv u kienu qed jittellgħu messaġġi bħallikieku kienet hi li kienet qed tibgħathom.

Hi qalet li rrapportat b’dan kollu lis-Cybercrime Unit għaliex il-persuna li daħlet fil-kont tagħha fuq Facebook kien qed jibgħat messaġġi ta’ theddid ikraħ. Fil-Qorti l-mara xehdet li l-kont tagħha fuq Facebook kien inħoloq minn iben l-akkużat meta kienet tgħix magħhom u qalet li kienu jafu l-password.

Hija sostniet li wara li temmet ir-relazzjoni mal-akkużat, fejn din damet madwar tmien snin, u telqet mid-dar baqgħet ma bidlitx il-password. Is-sieħba tagħha sostniet li meta ppruvat iċċempel fuq il-Messenger lil min kien qed jibgħat il-messaġġi, dan beda joffendiha u jgħajjarha bil-mard.

Il-pulizija li xehdu qalu li mill-investigazzjoni rriżulta li l-kont tal-Facebook tal-mara kien intuża minn IP address tad-dar tal-akkużat. Iben Carmelo Calleja ikkonferma li kien hu li ħoloq il-kont tal-Facebook waqt li meta l-Pulizija kellmet lill-akkużat dwar min uża l-kompjuter fil-jum li fih intabgħtu l-messaġġi qal li hu għax ibnu ma kienx id-dar.

Wara li semgħet ix-xhieda l-Maġistrat Rachel Montebello kkonkludiet li l-kont tal-Facebook inħoloq minn iben l-akkużat għal dik li kienet is-sieħba ta’ missieru. Hija qalet li anke jekk ma baqgħetx tgħix magħhom ma kellhomx l-awtorizzazzjoni li jidħlu fil-kont tal-Facebook tagħha anke jekk ma bidlitx il-password.

Il-Qorti qalet li min bagħat il-messaġġi kien jaf sew liż-żewġ nisa u iben l-akkużat qal li ma kienx jużah għax kellu l-kont tiegħu tal-Facebook. Waqt li sostniet li l-aġir ta’ Calleja, b’theddid u kliem vulgari, qatt mhu ġustifikat hija sabitu ħati u mmultatu €3,000.

Għall-fini tal-piena, il-Qorti filwaqt li qieset il-kondoota netta tal-imputat, ma tistax twarrab il-gravità tal-użu ħażin li għamel l-imputat fid-data tal-mara, għaliex evidentement, l-użu ħażin u l-atti l-oħra li dwarhom qed tinstab ħtija
taħt l-Artikolu 337Ċ(1) tal-Kap. 9, twettqu biex issir ħsara gravi liż-żewġ nisa fost inġurji u insulti u kliem vulgari u baxx.

“Aġir bħal dan m’huwa qatt ġustifikabbli taħt l-ebda ċirkostanza, lanqas bħala reazzjoni jew espressjoni ta’ emozzjonijiet ta’ rabja jew dwejjaq li ta’ sikwit jixprunaw minn terminazzjoni akrominjuża ta’ relazzjoni. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Hubert Cini.