Il-Kampjonat tal-Premier Ingliż 2022/23 qed jibda ġimgħa qabel iż-żmien tas-soltu b’kaġun tal-aġġustamenti li kellhom isiru fil-programm minħabba l-logħob tat-Tazza tad-Dinja tal-FIFA li se jsir fil-Qatar lejn l-aħħar tas-sena.
Għaldaqstant, il-Premier League Ingliż ( li l-kickoff tiegħu hu proprju l-lejla bil-logħba Crystal Palace v Arsenal) għall-ewwel darba se jkollu waqfa ta’ xahar bejn Novembru u Diċembru…Waqfa li tippermetti biex il-ħafna stilel li jilgħabu f’dan il-kampjonat jirrappreżentaw pajjiżhom fl-ispettaklu tal-Qatar li kellu anki jwassal għal taqlib sħiħ fil-kampjonati l-oħra tal-Ewropa.
Intant, Manchester City, nhar il-Ħadd, jiftħu l-impenji tal-league bħala ċ-Champions Ingliżi renjanti għat-tieni staġun konsekuttiv — u meta l-istaġun tal-Premier Ingliż din id-darba jikkonkludi fit-28 ta’ Mejju tas-sena d-dieħla.
Huma għandhom impenn diffiċli għand West Ham United – u meta l-Hammers qed jittamaw li jkomplu jibnu fuq il-wirjiet pożittivi tal-aħħar staġun fejn spiċċaw is-seba’ fil-Premier League.
Is-Citizens, dan is-sajf komplew isaħħu l-iskwadra bl-akkwisti ta’ Erling Haaland ( mingħand Borussia Dortmund). Kalvin Phillips (eks Leeds United), Julian Alvarez ( eks River Plate) u Ko Itakura (Schalke O4) – iżda fl-istess ħin huma ttrasferew plejers oħra li kellhom parti mis-suċċess tal-istaġun li għadda, fosthom Fernandinho, Oleksandr Zinchenko, Raheem Sterling u Gabriel Jesus.
Min-naħa tagħhom, West Ham United irnexxielhom isibu x-xibka f’kull logħba tal-league li lagħbu f’darhom matul l-istaġun li għadda u għalkemm City jibdew favoriti fil-London Stadium wieħed għandu jistenna konfront spettakolari peress li l-aħħar erba’ logħbiet bejn dawn it-tims fil-Premier League kollha produċew il-gowls u ħafna logħob sabiħ.
Fulham, li f’għaxar snin kisbu ħames promozzjonijiet miċ-Championship għall-Premier League, kmieni wara nofsinhar jilqgħu lil Liverpool fi Craven Cottage u meta għal dan il-konfront se jkollhom neqsin lil Nathanial Chalobah u Harry Wilson,
Sadanittant, Liverpool – li ġimgħa ilu għelbu lil Man City 3-1 fil-finali tal-Community Shield f’Wembley – se joħorġu jfittxu l-ewwel tliet punti tal-istaġun u, wara t-tluq ta’ Sadio Mane lill-Bayern Munich, se jkunu qed jiddependu fuq il-forma ta’ Darwin Nunez, li ssieħeb mar-Reds għal somma rekord (100 miljun Sterlina) mingħand Benfica, u l-attakkant prolifiku Mo Salah biex jibdew l-impenji fuq nota tajba.
Ir-Reds se jkollhom lura fit-tim lill-gowlkiper Alisson u Naby Keita, iżda Ibrahima Konate u Curtis Jones huma dubjużi – waqt li Diogo Jota jista’ idum barra sal-aħħar tax-xahar wara li sofra injury fil-pre-season.
Everton, li salvaw l-istatus tagħhom fil-Premier League fl-aħħar nifs, se jilqgħu lil Chelsea f’Goodison Park meta diġà hemm pressjoni kbira fuq il-manager Frank Lampard biex juri titjib fuq il-prestazzjonjijiet tal-istaġun li għadda.
Everton spiċċaw ibiegħu lill-attakkant Brażiljan Richarlison lil Tottenham Hotspur iżda fl-aħħar jiem huma ingaġġaw lil James Tarkowski u Dwight McNeil mingħand Burnley. Intant, Salomon Rondon hu sospiż għal din il-logħba waqt li Seamus Coleman jista’ jitlef l-ewwel ġimgħatejn tal-istaġun.
Chelsea, intant, qed jibdew era ġdida fejn l-Amerikan Todd Boehly ħa r-riedni tal-klabb minflok Roman Abramovich li hu sospiż minn kull sehem f’xi intrapriża jew proġett sportiv (fir-Renju Unit) minħabba r-rabtiet tiegħu mal-President tar-Russja Vladimir Putin.
Il-klabb ta’ Londra — minkejja l-akkwist ta’ Sterling u ta’ Kalidou Koulibaly mingħand Napoli — ma tantx ikun attiv fis-suq tat-trasferimenti iżda l-aħbar tajba hi li id-difensur Ben Chilwell għandu jirritorna għall-Blues wara assenza twila. Madankollu, it-tim mistenni jħoss in-nuqqasijiet ta’ Antonio Rudger u Andreas Christensen li ssieħbu, rispettivament ma’ Real Madrid u Barċelona ta’ Spanja.
Jista’ ikun ukoll sinifikanti li Chelsea tilfu f’Goodison Park għal erba’ staġuni konsekuttivi u l-manager Thomas Tuchel jinsab ansjuż li jtemm din is-sekwenza negattiva filwaqt li jibda l-kampjonat ġdid fuq nota pożittiva.
Tottenham Hotspur, li spiċċaw ir-raba’ fil-kampjonat fl-istaġun li għadda, jibdew favoriti netti għall-punti mill-konfront ma’ Southampton f’The New White Hart Lane. Dan waqt li fl-aħħar ġimgħat, Spurs saħħew it-tim b’akkwisti interessanti bħal Richarlison (sospiż għal din il-logħba), flimkien ma’ Clement Lenglet (eks Barċelona), Ivan Perisic (eks Inter) u Yves Bissouma ( eks Brighton).
Filwaqt li urew sinjali inkoraġġanti fil-logħob tal-pre-season, Southampton se jibdew il-kampjonat mill-ġdid taħt il-gwida tal-manager Ralph Hasenhuttle wara li spiċċaw l-istaġun li għadda fil-ħmistax il-post tal-Premier League.
U waqt li mistennija jinżlu għal din il-logħba mingħajr is-servizzi ta’ Nathan Tella u Theo Walcott, kollox qed jindika li l-pressjoni se tkun fuq is-Saints biex joħorġu b’imqar punt minn dan il-konfront u meta huma qed jiffaċċjaw avversarju qalil b’moral għoli u li wera titjib kbir mindu t-Taljan Antonio Conte ħa r-riedni tat-tim.
Manchester United, li kellhom staġun diżappuntanti għall-aħħar, jiftħu l-impenji tagħhom għada kontra Brighton f’Old Trafford – u fost stennija li r-Red Devils jaqbdu t-triq lejn suċċessi ġodda taħt it-tmexxija tal-eks-manager ta’ Ajax Amsterdam, Erik Ten Hag.
United qed iħarsu biex isaħħu lit-tim f’diversi dipartimenti u meta sallum issieħbu magħhom Lisandro Martinez ( eks Ajax), Christian Eriksen (free transfer) u Tyrell Malacia mingħand Feyenoord. Dan waqt li hemm ukoll stennija li l-midfielder Olandiż Frenkie de Jong jingħaqad mal-klabb ladarba jirranġa d-differenzi finanzjarji tiegħu ma’ Barċellona.
Fl-istess ħin, id-diriġenti ta’ Manchester United iridu jsolvu l-problema tal-attakkant Portugiż Cristiano Ronaldo li għamilha ċara li jrid jitlaq avolja l-ebda klabb ta’ prestiġju mhu lest biex jagħti opportunità ġdida lil plejer li qed javviċina t-38 sena u li għandu salarju wisq projbittiv biex jattira l-interess minn barra l-Ingilterra.
Fl-istaġun li għadda, Brighton kisbu l-aħjar pożizzjoni fl-ogħla kampjonat Ingliż għaż-żmien kollu li ilu jeżisti l-klabb. Iżda hu minnu wkoll li s-Seagulls tilfu l-logħbiet kollha f’Old Trafford mindu huma rritornaw fil-Premier League Ingliż minn The Championship u r-riżultat potenzjali ta’ dro, għada, għandu jitqies bħala wieħed sodisfaċenti għal Graham Potter u sħabu.
//= $special ?>