Lokali Saħħa

Sħana enormi f’Monte Carmeli wara li l-ACs ilhom ix-xhur ma jaħdmux

Timmaġinak matul dawn ix-xhur tant sħan tas-sajf mingħajr arja kundizzjonata lejl u nhar?

Din hi s-sitwazzjoni xejn sabiħa f’Monte Carmeli fost il-pazjenti hekk kif jinsabu għasra bl-għaraq fis-sodod tagħhom.

Persuni li tkelmu magħna qalulna kif pazjenti f’dan l-isptar qed jispiċċaw jgħixu fl-agħar kundizzjonijiet, b’mod speċjali dawk fis-sala female 2.

Oħrajn qalulna li l-apparat tal-arja kundizzjonata ġie tranġat iżda wara ftit jiem reġa’ spiċċa bil-ħsara. Sitwazzjoni li ilha għaddejja għal snin sħaħ.

L-unika soluzzjoni li taw lil dawn il-pazjenti hi li tpoġġa fan fl-entratura ta’ kull kamra, liema fan bilkemm qed ilaħħaq mal-persuni l-eqreb tiegħu aħseb u ara ma’ dawk li huma l-iktar ‘il bogħod minnu.

U xi ngħidu la tasal ix-xitwa? Pazjenti li jispiċċaw itertru bil-bard għax l-arja kundizzjonata tibqa’ ma taħdimx.

Iżda minkejja l-karba tal-pazjenti u l-qraba tagħhom sabiex din is-sitwazzjoni titranġa llum qabel għada, dawk responsabbli qed jibqgħu ma jagħtuhomx widen.

Ir-ritratt juri parti minn Monte Carmeli u mhux is-sala inkiwstjoni