Mietu talanqas 14, b’40 oħra jindarbu wara li kumpless tad-divertiment inħakem min-nirien li nfirxu malajr mal-post, fost il-konsegwenzi traġiċi.
In-nightclub fejn seħħ l-inċident jismu ‘Mountain B’ u jinsab fid-distrett ta’ Sattahip, fil-provinċja ta’ Chonburi – lejn in-nofsinar ta’ Bangkok.
L-ewwel filmati li nġibdu minn barra n-nightclub fost l-eqqel tan-nirien urew lin-nies jiġru ‘il hawn u ‘il hinn f’paniku — uħud bi ħwejjiġhom qed jaqbad.
Il-kawża tan-nirien ma kenitx ċara, iżda l-iskwadri għall-emerġenza fis-sit ma eskludewx li l-kumpless kellu l-materjal li jaqbad malajr u li ‘seta’ ikkontribwixxa għan-numru sinifikanti tal-vittmi’ minħabba f’kif il-fjammi setgħu javvanzaw daqshekk malajr fil-bini.
L-iskwadri tal-firefighters damu s-sigħat jistinkaw biex jikkontrollaw in-nirien li nqalgħu f’ħin meta n-nies fuq ġewwa kienu qed jiddevertu waqt spettaklu ta’ mużika live. Mifhum ukoll li n-nirien anki swew il-ħajja ta’ xi mużiċisti, minbarra ‘klijenti regolari’ tan-nightclub.
L-akbar numru ta’ katavri, intant, instabu qrib l-entratura tal-kumpless; kif ukoll fil-kmamar tal-banju u viċin il-parti riservata għad-DJ. Il-vittmi tan-nirien kienu kollha Tajlandiżi.
Il-Prim Ministru Tajlandiż Prayuth Chan-ocha, fl-aħħar sigħat, ordna biex issir investigazzjoni dwar in-nirien qattiela filwaqt li wiegħed li l-qraba tal-vittmi se jingħataw l-għajnuna mingħand l-awtoritajiet.
//= $special ?>

