Lokali Qorti

Tliet irġiel akkużati b’serq minn ħanut tal-logħob f’San Ġwann u serq ieħor

Ritratt: Mill-Arkivji

Tliet irġiel b’passat kriminali nżammu taħt arrest preventiv fuq akkużi ta’ ‘hold up’ bl-armi f’San Ġwann u serq ieħor. L-ispetturi Lydon Zammit, Stephen Gulia u Jean Paul Attard ressqu quddiem il-Maġistrat Marseanne Farrugia l-Ġimgħa wara nofsinhar lil George Galea ta’ 50 sena mill-Marsa, Silvio Pace ta’ 52 sena mill-Ħamrun u Ronald Urry ta’ 57 sena wkoll mill-Ħamrun.

L-irġiel ġew akkużati b’serq aggravat meta kienu armati ta’ f’residenza tal-Furjana fit-30 ta’ Lulju. Galea u Urry waħedhom akkużati li fl-1 ta’ Awwissu li għadda serqu minn ħanut tal-imħatri f’San Ġwann. Huma kienu mixlija b’serq aggravat bi vjolenza, mezzi u valur, li żammew żewġ persuni kontra r-rieda tagħhom bil-ħsieb li jagħmlu estorsjoni u jagħmlu ħsara lill-proprjetà tagħhom.

Minbarra dawn l-akkużi, Galea u Urry ġew akkużati wkoll li qatgħu ġiżirana minn madwar għonq waħda mill-vittmi miżmuma. Galea waħdu kien akkużat ukoll li ġarr arma tan-nar waqt is-serqa fi Triq in-Naxxar, San Ġwann, li kiser il-libertà proviżorja u li sar reċediv.

Il-prosekuzzjoni, qalet li l-Pulizija daħlilha rapport fit-30 ta’ Lulju fejn ġie spjegat li fis-6.30pm kien hemm serqa li seħħet fuq mara waqt li kienet miexja fl-inħawi ta’ Ta’ Giorni. Il-Pulizija kienu infurmati li f’dan il-każ raġel avviċina l-mara u serqilha l-ġiżirana b’riżultat ukoll li ġarrbet ġrieħi ħfief waqt li l-imputat ħarab minn fuq il-post b’karozza tat-tip Peugot 107 u daħal minn naħa tal-passiġġier.

L-Ispettur Zammit spjega wkoll kif it-Tnejn 2 ta’ Awwissu seħħet serqa f’ħanut tal-logħob f’San Ġwann fejn żewġ persuni daħlu fl-istess ħanut armati b’pistola u serqu €2,400 waqt li żammew kontra l-volonta tagħhom impjegata u klijent li kien fil-ħanut.

Hawn ġie spjegat li biex il-ħallelin ħarbu minn fuq il-post intużat karozza tal-għamla Peugot 107. Dan waqt li ġewwa residenza fil-Furjana seħħet serqa ta’ diversi oġġetti. L-Ispettur Zammit tenna li l-Pulizija waslet għall-imputati wara li anke rat filmati minn kameras tas-sigurtà u għarfet lill-imputati permezz tal-ħwejjeġ li kienu lebsin, il-karozza tat-tip Peugot 107 li ntużat diversi drabi u anke hekk kif f’istanzi partikolari deher wiċċhom.

Huma wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom, l-akkużati ma talbux għall-ħelsien mill-arrest u għalhekk baqgħu miżmumin taħt arrest u ttie]du fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. L-avukati Franco Debono u Marion Camilleri rrappreżentaw lil Galea. Pace u Urry kienu assistiti mill-avukati Victor Bugeja u Simon Micallef Stafrace, rispettivament, bħala għajnuna legali.