Internazzjonali

Ukrajna: Jikber l-inkwiet dwar il-faċilità nukleari

Ir-Renju Unit u diversi pajjiżi fl-Ewropa huma preokkupati dwar is-sitwazzjoni li qed tiżviluppa fil-faċilità nukleari ewlenija tal-Ukrajna. Dan meta l-faċilità ta’ Zaporizhzhia ilha x-xhur taħt il-kontroll tal-qawwiet tar-Russja – bil-Ministeru tad-Difiża Britanniku jirreferi għall-possibbiltà li t-truppi Russi f’dik iz-zona qegħdin ‘jostakolaw’ il-proċeduri tas-sigurtà fil-kumpless.

Il-faċilità ta’ Zaporizhzhia hi l-akbar kumpless nukleari fl-Ewropa u għadha qed titħaddem mill-Ukreni taħt is-superviżjoni tal-militar Russu. Intant, il-periklu f’din il-faċilità u l-madwar jibqa’ konsiderevoli , fost sinjali li l-militar Russu qed juża dan il-kumpless bħala ‘tarka’ bil-ħsieb li jevita l-attakki tal-Armata Ukrena.

L-Ewropa – u l-International Atomic Energy Agency (IAEA) – fil-preżent qed jevalwaw l-iżviluppi f’dik il-faċilità fost ir-rapporti  li ‘is-sitwazzjoni fis-sit spiċċat inkontrollabbli’. Il-faċilità nukleari inkwistjoni tinsab lejn ix-xlokk tal-Ukrajna u viċin ix-Xmara Dnipro, Dan meta l-faċilità tikkonsisti minn reatturi tal-ilma u tagħmir ieħor, filwaqt li qed iżżomm ukoll kwantità ta’ skart nukleari.  

Il-Ministeru għad-Difiża tar-Renju Unit, issa, qed iwissi li s-sitwazzjoni kapaċi taqleb għall-agħar meta hemm il-possibbiltà li t-truppi Russi qegħdin imexxu l-azzjonijiet militari minn viċin il-power station tal-kumpless. Ir-Russi anki stazzjonaw l-artillerija fl-istess inħawi perikolużi u minfejn qed jibbimbardjaw it-territorju tal-Ukrajna fuq in-naħa tal-Punent tax-Xmara Dnipro.

Is-sitwazzjoni, bla dubju, qed tikkomprometti s-sigurtà tal-faċilità, bil-qawwiet Russi x’aktarx li qed iżommu anki preżenza ta’ suldati fil-belt ta’ Enerhodar, li tinsab fiz-zona tal-kumpless ta’   Zaporizhzhia. Dan meta Moska qed tiddependi fuq il-fatt li l-faċilità u l-madwar ma jistgħux ikunu attakkati ( mill-Ukreni) mingħajr is-sogru ta’ diżastru nukleari.