Wara tliet ġimgħat sħaħ, ir-riżultati tat-testijiet tad-DNA għadhom ma waslux għand il-Maġistrat. U l-identità tal-katavru li nstab f’Birżebbuġa tibqa’ mhix magħrufa.
Il-katavru kien instab il-Ħamis 14 ta’ Lulju wara li persuna infurmat lill-Pulizija li fis-sit qrib Għar Dalam kien hemm ġisem ta’ raġel mejjet.
L-irkupru tal-katavru mill-post involva operazzjoni delikata minħabba l-istat qawwi ta’ dekompożizzjoni li nstab fih.
Filfatt, mas-sejba, il-katavru ma setax jiġi identifikat, u l-unika konferma li ngħatat fis-sigħat immedjati ta’ wara s-sejba kienet li l-vittma kien raġel.
Lanqas l-awtospja li saritlu fis-sigħat sussegwenti ma serviet biex tkun stabbilita l-identità, biex kien fadal biss ir-riżultati tat-testijiet tad-DNA li setgħu iwasslu biex il-vittma jiġi identifikat.
Iżda minkejja li għaddew tliet ġimgħat, sa issa għadu ma wasal l-ebda riżultat tad-DNA; b’esperti jghidulna li dan jista’ jkun dovut għall-fatt li l-katavru kien ilu fil-post – u allura id-dekompożizzjoni tiegħu kienet avvanzata sew.
L-istess esperti qalulna illi kif jaslu dawn ir-riżultati, l-ewwel ma jmorru għand il-maġistrat inkwerenti, Gabriella Vella, li qed tmexxi l-inkjesta dwar is-sejba tal-katavru.
Dawn imbagħad jiġu mgħoddija lill-Pulizija li minn naħa tagħhom joħorġu stqarrija bl-identità tar-raġel.
Is-sejba tal-katavru f’Birżebbuġa seħħet ftit ġimgħat wara l-għibien ta’ żewġ anzjani rġiel.
Fit-28 ta’ Ġunju, Charlie Fino, kien ħareġ mir-residenza San Vinċenz de Paul u ma reġax daħal lura. Fino għandu 83 sena u jbati mid-dementia.
Jumejn wara l-għibien ta’ Fino, l-Pulizija rrappurtaw l-għibien ta’ raġel ieħor, Salvu Bonnici.
Dan l-anzjan għandu 70 sena u jgħix il-Gudja, u issa ilu nieqes aktar minn xahar.
//= $special ?>