Futbol Sport

Darwin Nunez isalva lil Liverpool minn disfatta fi draw għand Fulham

L-attakkant internazzjonali tal-Urugwaj Darwin Nunez salva lil Liverpool minn telfa sorprendenti kontra Fulham fi Craven Cottage meta daħal bħala sostitut u skorja l-ewwel gowl tal-istaġun għar-Reds, filwaqt li pprovda ‘l-assist’ importanti biex it-tim ta’ Jurgen Klopp isalva punt minn din il-logħba. Il-konfront – it-tieni logħba tal-istaġun ġdid – kien ħafna aktar diffiċli milli stennew Liverpool, li sabu ruħhom minn taħt darbtejn kontra t-tim neo-promoss li fl-istaġun li għadda spiċċa fl-ewwel post ta’ The Championship. Kien mistenni ħafna aktar mir-Reds li dehru neqsin mir-ritmu tas-soltu u li sabu ruħhom minn taħt wara 32 minuta meta – fuq il-kross ta’ Kenny Tete — Aleksandar Mitrovic għola fuq Trent Alexander-Arnold u indirizza bir-ras lejn il-lasta ta’ Alisson li ma rnexxilux isalva.

Liverpool, minn dak il-ħin, daħlu aktar fil-logħoba u Luis Diaz kellu ‘gowl’ annullat għal offside — bl-istess plejer, wara, jara x-xutt tiegħu jaħbat mal-lasta, bil-gowlkiper Rodak megħlub. Kmieni fit-tieni taqsima, Darwin Nunez daħal jilgħab minflok Roberto Firmino u ma damx biex għamel l-iskor 1-1 bi flick (64) wara taħwida fil-lasta ta’ Fulham – u b’Rodak jinqabad fuq sieq waħda. Fulham, iżda, baqgħu determinati u fis-sebħin minuta huma rebħu penalty wara li Virgil Van Dijk waqqa’ lil Mitrovic fil-kaxxa – bl-attakkant Serb (72) ma jiżbaljax mill-ħdax-il metru. Għaxar minuti mit-tmiem, Liverpool kisbu d-dro b’element ta’ fortuna meta Nunez ikkontrolla l-ballun ħażin u rnexxielu jipprovdi ‘assist’ lil Mo Salah li ma kellux diffikulà biex jiskorja mill-viċin għat-2-2 finali. Intant, fl-aħħar ħinijiet, Liverpool waslu viċin il-gowl tar-rebħa meta Jordan Henderson laqat il-mimduda b’xutt qawwi fil-ħames minuta tal-ħin addizzjonali. Kollox ma kollox, Fulham jistgħu jħossuhom kuntenti b’dan ir-riżultat u wara li huma taw battikata kbira lil Liverpool li mistennija jisfidaw mill-ġdid għar-rebħ tal-kampjonat. Dan ukoll meta l-Cottagers huma determinati li jsalvaw malajr l-istatus fil-Premier League u għalkemm għad fadal triq twila, dan huwa bidu tassew inkoraġġanti għall-manager Marco Silva u l-plejers tiegħu.

Tottenham Hotspur kellhom bidu mill-aqwa għall-istaġun b’rebħa kbira, 4-1, fuq Southampton, f’The New White Hart Lane. Kienu s-Saints li fetħu l-iskor kontra kull mistenni meta James Ward-Prowse (12) sammar ġewwa b’volley mill-isbaħ – iżda dan il-gowl serva bħala doċċa kiesħa għal Spurs li wieġbu xejn anqas minn erba’ darbiet għall-iżvantaġġ bikri. Ryan Sessegnon (21) għamel l-iskor 1-1 mill-kross ta’ Dejan Kulusevski, bi Spurs imorru fil-vantaġġ minn Eric Dier (31) li skorja l-ewwel gowl tiegħu fi tliet snin b’header għar-rokna, fuq l-assist ta’ Son Heung-min. It-tieni taqsima kienet kollha ta’ marka ‘Tottenham’, bit-tim ta’ Antonio Conte jagħmilhom tlieta meta Mohammed Salisu (61) wettaq awtogol klassiku fuq il-kross ta’ Emerson Royal u b’Kulusevski – bla dubju l-aħħar plejer fil-grownd – jgħaqqad il-poker żewġ minuti wara.

Bournemouth immarkaw ir-ritorn fil-Premier League b’rebħa, 2-0, fuq Aston Villa fil-Vitality Stadium. Iċ-Cherries kisbu l-vantaġġ wara biss tliet minuti u f’ħin meta Villa kienu qed jilgħabu b’għaxar plejers wara li Lucas Digne kien ordnat biex iħalli l-gwarnd u jneħħi xi ġojjellerija li kellu fuqu. Intant – fuq korner ta’ Marcus Tavernier — Lloyd Kelly kien fil-post eżatt biex jindirizza bir-ras lejn Jefferson Lima li spara ġewwa għall-1-0. Bournemouth, imbagħad, tilfu ċans tajjeb minn Kieffer Moore, iżda l-attakkant internazzjonali ta’ Wales patta għall-iżball meta rdoppja għat-tim tiegħu, għaxar minuti mit-tmiem, b’Kelly mill-ġdid ikun strumentali għall-gowl bi kross preċiż. Ir-reazzjoni ta’ Villa kienet fjakka, bil-gowlkiper taċ-Cherries Mark Travers isalva t-tentattiv ta’ Danny Ings u b’Boubacar Kamara jittanta xortih minn 20 metru, bil-ballun jispiċċa barra bi ftit.

Leeds United ħarġu bit-tlett punti mill-konfront ma’ Wolves (2-1) f’Elland Road u meta t-tim ta’ Jesse Marsch niżel għal din il-logħba b’xejn anqas minn erba’ debuttanti. Il-bidu kien kollu ta’ Wolves li marru fil-vantaġġ fis-sitt minuta, meta – fuq it-tentattiv ta’ Daniel Podence – il-ballun għadda minn fuq ras il-gowlkiper Meslier u spiċċa direttament fix-xibka. Intant, Leeds wettqu reazzjoni u kisbu d-dro bix-xutt baxx u preċiż ta’ Rodrigo (24)., bl-iskor jibqa’ l-istess sal-mistrieħ. Wolves bdew it-tieni taqsima fuq l-attakk u heddew diversi drabi l-lasta ta’ Meslier, idża kienu Leeds li skurjaw il-gowl deċiżiv fl-74 minuta. Dan wasal mill-iżball fatali tal-plejer ta’ Wolves, Ait-Nouri, li tefa’ il-ballun fix-xibka tiegħu fuq il-kross fil-baxx ta’ Patrick Bamford u għal awtogol li aċċerta l-ewwel tliet punti għall-Yorkshiremen.

L-ewwel jum tal-kampjonat irriserva l-ewwel suċċess anki għal Newcastle United li, f’St James Park, ħarġu rebbieħa, 2-0, fuq in-neo-promossi Notthingham Forest. Wara li l-ewwel 45 minuta spiċċaw mingħajr gowls, id-difensur Żvizzeru tal-Geordies, Fabian Schar (58), irċieva l-ballun f’tarf il-kaxxa u minfejn venven ġmiel ta’ xutt li għeleb għal kollox lill-gowlkiper Henderson – bil-ballun jaħbat mal-lasta qabel spiċċa fix-xibka. Forest – li qed jirritornaw mal-kbar wara nuqqas ta’ 23 sena — ħarġu jfittxu d-dro iżda Newcastle idruppjaw fit-78 minuta, meta Callum Wilson skorja b’first timer fuq il-kross insidjuż ta’ Joelinton.

PREMIER LEAGUE

Ilbieraħ: C’Palace v Arsenal 0-2, Illum: Fulham v Liverpool 2-2, Tottenham v Southampton 4-1, Newcastle v Nottingham Forest 2-0, Leeds v Wolves 2-1, Bournmouth v Aston Villa 2-0, Everton v Chelsea 0-1, Għada: Leicester v Brentford 3.00pm, Man Utd v Brighton 3.00pm, West Ham v Man City 5.30pm