Lokali

Il-Kummissarju Hyzler ikkonkluda 14-il rapport matul l-2021

Huma b’kollox 14 l-ilmenti li matul is-sena li għaddiet ġew investigati u konklużi mill-Kummissarju tal-Istandards George Hyzler. Dan ħareġ mir-rapport annwali tal-istess Kummissarju għas-sena 2021.

l-Kummissarju rċieva b’kollox 41 ilment matul l-2021. Hu għalaq 39 ilment, li minnhom sab 25 ineliġibbli biex jiġu investigati skont l-Att, filwaqt li huwa investiga u kkonkluda 14-il ilment.

Il-Kummissarju kellu 16-il ilment pendenti fil-bidu tal-2021 u għalaq is-sena bi 18-il ilment pendenti.

Ir-rapport jagħti dettalji dwar deċiżjonijiet meħuda mill-Kummissarju waqt li kien qiegħed jikkunsidra l-ilmenti. U jagħti wkoll dettalji dwar każi fejn il-Kummissarju bagħat rapport lill-Kumitat Parlamentari għall-Istandards.

Ir-rapport ikopri attivitajiet oħra li twettqu mill-Kummissarju għall-Istandards matul l-2021, inkluż il-pubblikazzjoni ta’ linji gwida dwar riklami u materjal promozzjonali tal-gvern, u t-tnedija ta’ proġett iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea biex itejjeb il-qafas tal-integrità u t-trasparenza f’Malta.

Dan il-proġett qed jitmexxa mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku fuq talba tal-Kummissarju għall-Istandards.

Intant, ir-rapport jitfa’ wkoll dawl fuq l-istaff tal-istess Kummissarju u n-nefqiet ta’ dan l-uffiċċju.

Interessanti l-fatt li l-Kummissarju Hyzler irrifjuta li jkollu vettura uffiċjali, u minflok uża l-karozza personali tieghu – decizjoni li frankat lill-uffiċċju ħafna flus.