Sport Waterpolo

“Is-sena l-oħra sħabi ħadmu ħafna biex imlew in-nuqqas tiegħi u ridt naħdem biex inpattilhom” – Jake Tanti, gowlkiper ta’ San Ġiljan

(Ritratt: Abby Bonello/San Ġiljan)

Artiklu: Stewart Said

Fl-ewwel ta’ Settembru tas-sena li għaddiet, San Ġiljan kienu rebħu n-knock-out wara li għelbu lil Neptunes fil-finali. Dakinhar fil-lasta Ġiljaniża lagħab Ryan Coleiro li kien preżenti fl-aħħar logħbiet tal-Ġiljaniżi minħabba li l-gowlkiper Jake Tanti kien indispost wara inċident li kellu barra mill-waterpolo.

Dakinhar f’ġest mill-isbaħ, il-captain tat-tim Matthew Zammit kien għamel ġest mill-isbaħ hekk kif ta t-trofew lil Tanti biex jgħolluh flimkien. Ħdax-il xahar wara u Jake Tanti kiseb it-tpattija personali. Hu kien bejn il-lasta Ġiljaniża waqt finali oħra tan-knock-out u kien fuq in-naħa rebbieħa għal darba oħra kontra Neptunes.

“Sena ilu kienet tazza li għalkemm ma lgħabtx kienet tweġġagħni ħafna. Il-boys kienu ħadmu ħafna biex imlew in-nuqqas tiegħu u din is-sena rrid naħdem ħafna biex inpattilhom ta’ dak in-nuqqas,” qal Tanti fl-ewwel reazzjoni tiegħu wara s-suċċess fil-finali.

Jake Tant jgħolli t-trofew tan-knock-out is-sena l-oħra (Ritratt: Joseph Galea)

Il-gowlkiper ta’ San Ġiljan kompla li dan l-unur ifisser ħafna għalihom għaliex tal-anqas ix-xogħol kollu li għamlu, sarrfuh fi trofew. Din kienet is-seba’ darba fl-aħħar tmien snin li San Ġiljan rebħu n-knock-out.

Għal Tanti din il-kompetizzjoni hi importanti minħabba li hi bbażata fuq logħba waħda. “Naħseb li San Ġiljan għandna qalb u karattru li anki saħansitra nkunu minn taħt għal kemm-il darba u ndawru l-logħba. Għalhekk din it-tazza mmorru tajjeb fiha.”

Dan l-unur għandu jpoġġi lil San Ġiljan favoriti għar-rebħ tal-kampjonat, iżda Jake Tanti għandu opinjoni differenti. “Il-favoriti dejjem jibqgħu Neptunes għax huma ċ-champions tas-sena l-oħra. Aħna konna r-rebbieħa ta’ dan it-trofew allura bdejna bħala l-favoriti. Però dan jagħtina boost għall-moral tajjeb ħafna. Xejn ma jonqos, l-aħħar ġimagħtejn ta’ xogħol forsi jekk Alla jrid, nieħdu d-double,” temm jgħid Tanti.