Lokali

Jinstab is-sewwieq li allegatament kien involut fl-inċident li fih tilef ħajtu Antoine Degabriele

Ftit tal-ħin ilu ġie arrestat is-sewwieq li allegatament kien involut fl-inċident li fih tilef ħajtu Antoine Degabriele.

Investigazzjonijiet li saru mid-Dipartiment tar-Reati Maġġuri u dawk tad-Distrett taż-Żejtun wasslu biex tinstab il-karozza, kif ukoll ġie identifikat is-sewwieq li allegatament kien involut fl-inċident li sfortunatament ħalla lil Antoine Degabriele ta’ 51 sena mejjet.

Degabriele nstab mejjet ilbieraħ fil-ġenb ta’ Triq Antoine Buttigieg fiż-Żejtun ftit qabel nofsinhar… f’każ li l-Pulizija qed tqisu bħala hit-and-run.

Is-sewwieq, żagħżugħ ta’ 21 sena, residenti Birżebbuġa kien arrestat aktar kmieni illum filwaqt li l-vettura tal-għamla Mazda Demio, instabet f’garaxx f’Ħaż Żabbar.

Huwa qed jinżamm arrestat u x’aktarx se jitressaq il-Qorti fis-sigħat li ġejjin.

Mhux eskluż li kienu investigati numru ta’ kameras tas-sigurtà li għenu biex tiġi identifikati r-rottta li seta’ għadda minnha ż-żagħżugħ meta talaq mill-post ftit wara li tajjar lil Antoine Degabriele.

Fl-investigazzjonijiet taw sehemhom ukoll il-Pulizija tal-Laboratorju tax-Xjenza Forensika, filwaqt li aktar investigazzjonijiet mill-Pulizija u l-Inkjesta Maġisterjali għadhom għaddejjin.

Intant, fi stqarrija, l-għaqda Doctor for Road Safety qalet li tinsab imnikkta illi kellha terġa’ tikkummenta fuq inċident ieħor traġiku.

Dawn it-tobba jemmnu li wasal iż-żmien li jintuża aħjar il-video surveillance pubbliku sabiex jiġu evitati dawn it-traġedji milli jiġu analizzati l-filmati wara li jkunu ġraw l-inċidenti.