Lokali

“Kull persuna għandha dritt għad-dinjità li tixirqilha” – Graziella Galea

Residenzi bħal Dar Nazareth huma importanti ferm għas-soċjeta’ tagħna, fejn persuni b’diżabilita tingħatlhom id-dinjità li tixirqilhom u jkunu jistgħu jgħixu ħajja indipendenti f’ambjent ta’ familja mimli mħabba.

Hekk sostniet il-kelliema tal-PN għall-inklużjoni u l-volontarjat Graziella Galea waqt żjara li għamlet f’Dar Nazareth.

Bħalissa għaddej proċess biex titlesta r-raba’ dar tal-Fondazzjoni Nazareth fejn persuni b’diżabilita’ jistgħu jgħixu ħajja normali bħal kull ċittadin ieħor u jingħataw l-attenzjoni kollha li hemm bżonn.

Waqt din iż-żjara, Graziella Galea iltaqgħet mad-Direttur għall-affarijiet Amministrattivi ta’ Fondazzjoni Nazareth Etienne Schembri kif ukoll mar-residenti u l-ħaddiema li jaħdmu f’din id-dar li tilqa’ fiha għaxar persuni.

Ir-residenti tkellmu dwar kemm iħossuhom kuntenti li qegħdin jgħixu f’din id-dar u dwar kemm huma grati tal-attenzjoni li kontinwament jingħataw mill-ħaddiema u l-volontiera.

Min-naħa tagħha Graziella Galea rringrazzjat lill-ħaddiema u lill-volontiera li jagħmluha possibbli sabiex din id-dar tkun tista’ topera u toħloq atmosfera mill-isbaħ lir-residenti tagħha.

Hija sostniet li l-persuni b’diżabilita’ huma parti essenzjali mis-soċjeta’ u filwaqt li għandna nuruhom rispett għandna nagħmlu dak kollu possibli sabiex ngħinuhom iħossuhom parteċipi fil-ħajja ta’ kuljum. Għalhekk, saħqet li rridu naraw li l-kundizzjonijiet ta’ kull persuna b’diżabilita’ jkomplu jitjiebu anke permezz ta’ iktar djar bħal Dar Nazareth sabiex tkun assigurata intergrazzjoni massima. Il-Partit Nazzjonalista ilu żmien twil jisħaq li persuni b’diżabbiltà għandhom jingħataw l-appoġġ kollu meħtieġ ħalli jkunu jistgħu jaħtfu l-opportunitajiet u jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom. Fejn investiment f’aktar residenzi fil-komunitajiet żgur jgħin biex jintlaħqu dawn l-għanijiet.