Internazzjonali

L-Ewropa mħassba dwar ripetizzjoni ta’ Chernobyl

L-Ewropa għadha mħassba dwar il-ħsarat li ġarrbet il-faċilita’ nukleari ewlenija fl-Ukrajna li tinsab qrib ħafna ta’ fejn għaddejja l-gwerra bħalissa. Jekk din is-sitwazzjoni tibqa’ sejra għall-agħar, mhux eskluż li l-Ewropa tista’ tara ripetizzjoni tad-diżastru nukleari ta’ Chernobyl li kien seħħ fis-snin tmenin u li kien ħalla impatt anki ‘il hinn mill-Ukrajna.

Fl-aħħar tal-ġimgħa, it-truppi Russi attakkaw il-faċilita’ ta’ Zaporizhzhia li hi anki l-akbar kumpless nukleari fl-Ewropa u li għadu qed jitħaddem mill-Ukreni. S’issa għadu mhux magħruf kemm huma gravi dawn il-ħsarat u mhumiex ċerti jekk ħarġitx radjazzjoni minn dan il-kumpless. Dan meta l-esperti huma anzjużi ħafna dwar l-aħħar żviluppi peress li kwalunkwe nuqqas ta’ sigurtà f’dan il-kumpless kapaċi jirriżulta f’riżultati katastrofiċi. Barra minn hekk għadu mhux ċar kemm il-linji tal-enerġija għadhom qed jiffunzjonaw.

Fl-aħħar sigħat, il-qawwiet tar-Russja wettqu numru ta’ attakki fuq iż-żona madwar il-kumpless, iżda l-Ukrajna żammet lura milli tirritalja bl-Armata tagħha għaliex tikkunsidra din iż-żona bħalha waħda delikata ferm filwaqt li tirrikonoxxi sew il-periklu tas-sitwazzjoni.

Fl-istess ħin, l-Ukrajna qed takkuża lir-Russja li qed tkompli tattakka liż-żoni residenzjali taċ-ċivili bl-iskop speċifiku li żżomm lin-nies fi stat ta’ terrur.