Lokali

L-Inċidenti fit-toroq ta’ pajjiżna żdiedu b’20 fil-mija

Ċifri maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li l-inċidenti tat-traffiku f’pajjiżna żdiedu b’20% meta kkumparat mal-2021.

Bejn April u Ġunju ta’ din is-sena kien hemm b’kollox 4,240 inċident. Filwaqt li fis-sena ta’ qabel kien hemm 3,594 inċident fl-istess perjodu. Terz tal-inċidenti seħħew lejn in-naħa ta’ fuq tal-port, fejn Birkirkara hija l-aktar lokalita li fiha kien hemm inċidenti tat-traffiku.

Madwar 455 persuna kienu nvoluti f’inċidenti, fejn 98 persuna ġarrbu ġrieħi gravi. Dawn jinkludu 67 sewwieq, 13-il passiġier u 18-il persuna li kienu mexjin.

L-istatistika turi li l-maġġoranza tal-vittmi kienu rġiel, u li dawn jammontaw għal 71%. Is-sitt persuni li tilfu ħajjithom bejn April u Ġunju li għadda, ukoll kienu rġiel.

Ir-rapport juri li l-fatalitajiet fit-toroq Maltin huma taħt il-medja tal-Ewropa.

Iżda dan ir-riżultat irid jittieħed fil-kuntest tal-fatt illi f’Malta għandna distanzi iqsar ta’ vjaġġar meta kumparat mal-kumplament tal-pajjiżi tal-Ewropa. Allura, għalkemm jidher li t-toroq qed iħallu inqas vittmi, il-paragun mhux qed isir fuq l-istess livell.

Ir-rapport tal-NSO żvela li l-inċidenti l-aktar li qed iseħħu huwa nhar ta’ Tnejn, bejn it-3pm u s-6pm.