Lokali

Marsaxlokk f’luttu: “Antoine kien dejjem bid-daħka fuq wiċċu”

Ix-xatt ta’ Marsaxlokk is-Sibt filgħodu kien f’luttu. Bnadar mezz’asta, u l-kelma fuq fomm kulħadd kienet “xi traġedja”.

Numru ta’ residenti, anzjani, persuni li jarmaw fuq il-monti, u ħafna minn dawk li jaħdmu fi stabbilimenti tal-catering max-xatt ta’ dan ir-raħal kienu jafu lil Antoine Degabriele, ir-raġel li nstab mejjet fil-ġenb ta’ Triq Anton Buttigieg iż-Żejtun ilbieraħ għall-ħabta ta’ nofsinhar.

Ritratt: Joe Francalanza

Degabriele, li kellu 51 sena, għamel snin twal jaħdem f’numru ta’ ristoranti u kafetteriji f’Marsaxlokk, u kellu relazzjoni sabiħa ma’ ħafna minn dawk li jaħdmu f’din l-industrija max-xatt.

Kienu diversi dawk li kienu jafuh u li qalulna kif Antoine kien dejjem bid-daħka fuq wiċċu.

“Kien ġentlom. Kien ikellem lil kulħadd”.

“Dispjaċir kbir. Tlifna ġawhra fil-catering għax kien iddedikat ferm.

Kien jgħaddi sa ħdejja u jgħidli kemm għandek pjanti sbieħ”, qalilna sid ta’ ristorant li kien jaf lil Antoine.

“Kien wieħed mill-aħjar tfal li kien hawn hawn isfel”.

Minbarra l-abbiltajiet tiegħu f’xogħolu, Antoine kellu wkoll talenti oħra, kif spjegalna anzjan li sa ftit ilu kellu ristorant f’din iz-zona.

“Lil Antoine konna nafuh bħala dilettant tat-tpinġija. Kien jiġi jpinġili l-ħġieġ tar-ristorant fi żmien il-Milied”.

Minbarra d-dieqa għat-telfa ta’ ħajja tant prezzjuża, fost dawk li tkellmu magħna kien hemm ukoll element ta’ rabja għal dak li seħħ u li forsi seta’ ġie evitat.

“Din it-triq taż-Żejtun ilhom jgħid li se jagħmlu l-cameras. Però hawn Malta kulħadd għaref imbagħad wara”, qal Louis, li kien ilu snin ħabib ta’ Antoine.