Internazzjonali

Numru ta’ persuni jmutu fi traġedja b’karozza tal-linja

Karozza tal-linja li kienet qed iġorr grupp ta’ devoti Pollakki kienet involuta f’inċident fil-Kroazja bir-riżultat li mietu talanqas tnax-il persuna, bi 32 persuna jispiċċaw feruti. L-inċident, li qed ikun investigat, seħħ kmieni s-Sibt filgħodu lejn il-Grigal tal-kapitali Kroata Zagreb.

L-inċident fatali jidher li seħħ wara li s-sewwieq tilef il-kontroll bir-riżultat li l-karozza tal-linja baqgħet dieħla fil-foss ta’ maġenb it-triq.

Ftit wara l-inċident, il-Ministru tal-Intern tal-Kroazja ħareġ stqarrija biex jikkonferma li numru ta’ passiġġieri għadhom qed jiġġieldu għal ħajjithom fl-isptar waqt li l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tal-Polonja qal li għadu mhux ikkkonfermat jekk is-sewwieq tal-karozza tal-linja hux wieħed mill-vittmi.

Fl-aħħar sigħat ukoll, il-Prim Ministru tal-Kroazja, Andrej Plenkovic, wassal il-kondoljanzi tiegħu lill-qraba tal-vittmi tal-inċident permezz ta’ messaġġ fuq Twitter.