Mijiet ta’ persuni, fosthom familji u tfal, matul ix-xahar ta’ Lulju gawdew wieħed mill-akbar spettakli naturali li jseħħu f’dan iż-żmien tas-sena meta mijiet ta’ Ċief (bl-Ingliż Scopoli’s Shearwaters) jinġabru fi qtajja’ taħt l-irdumijiet ta’ Ta’ Ċenċ ma’ nżul ix-xemx qabel jidħlu lura fil-bejtiet tagħhom f’dawn l-irdumijiet ta’ Għawdex.
Din l-opportunità unika tipprovdiha kull sena l-NGO ambjentali BirdLife Malta, li torganizza vjaġġi bid-dgħajsa lejn Ta’ Ċenċ biex il-pubbliku jkun jista’ jara mill-qrib lil dawn l-għasafar tal-baħar li f’dan iż-żmien tas-sena jkunu qed ibejtu fl-irdumijiet.
F’Ta’ Ċenċ insibu l-akbar kolonja fejn ibejjet dan l-għasfur fil-Gżejjer Maltin u proprju minħabba f’dan, din iz-zona hija klassifikata bħala Important Bird Area (IBA) u hija protetta bħala sit Natura 2000 bl-isem ta’ Żona fil-Baħar madwar Għawdex. Meta jkunu f’dawn l-inħawi, il-baħħara jintalbu wkoll isegwu l-Avviż lill-Baħħara Numru 44 tal-2020, li jistipula li jgħaddu b’veloċità mnaqqsa biex kemm jista’ jkun ma jtellfux liċ-Ċief li jkun qed jistrieħ f’wiċċ l-ilma.
F’Malta għandna 2% tal-popolazzjoni dinjija ta’ dan l-għasfur tal-baħar – bejn 3,000 u 4,000 par ta’ Ċief, li madwar 1,000 minnhom ibejtu f’dawn l-inħawi. Dan l-għasfur tal-baħar grazzjuż iqatta’ ħajtu fuq l-ilma u jersaq lejn l-art biss biex ibejjet. Jingħaraf mid-dahar griż li jagħti fil-kannella, iż-żaqq bajda u l-munqar isfar.
Iċ-Ċief huwa magħruf għall-mod kif matul l-istaġun tal-bejta jinġabar fi gruppi mdaqqsa u jifforma dawk li jissejħu rafts fejn mijiet minn dawn l-għasafar ikunu jistgħu jiġu osservati jittajru fuq wiċċ l-ilma, jistennew li tinżel ix-xemx, biex hekk kif jidlam jidħlu lura fuq il-bejta. Dan il-fenomenu naturali mill-isbaħ joffri spettaklu mhux tas-soltu u jdum għaddej kemm idum il-perjodu tal-bejta ta’ dawn l-għasafar, bil-qofol jintlaħaq f’Ġunju u Lulju. Din fil-fatt hi karatteristika prinċipali ta’ dan l-għasfur li narawh jittajjar fil-baxx fuq il-mewġ, dak li bl-Ingliż hu magħruf bħala shearing (appuntu l-isem ‘Shearwater’).
Iċ-Ċiefa tbid biss bajda waħda fis-sena, u għalhekk hu importanti li dan l-għasfur jiġi mħares sew għax jekk din il-bajda tintilef (u l-isfidi li qed jiffaċċja huma bosta, fosthom il-predazzjoni, l-iżvilupp u t-tniġġis mid-dawl) tkompli tonqos il-popolazzjoni ta’ dan l-għasfur tal-baħar li huwa protett u klassifikat bħala Vulnerabbli.
Din is-sena BirdLife Malta organizzat erba’ vjaġġi minn dawn għall-pubbliku, li kienu kollha fully-booked.
Bħalissa BirdLife Malta għaddejja bi studju xjentifiku fuq għasfur tal-baħar ieħor li jbejjet f’Malta u huwa endemiku għall-Mediterran – il-Garnija. Dan l-għasfur (bl-Ingliż Yelkouan Shearwater) huwa speċi oħra ta’ tajra tal-baħarli tbejjet f’diversi rdumijiet tal-Gżejjer Maltin u l-proġett LIFE PanPuffinus! – kollaborazzjoni mifruxa fuq ħames snin bejn Imsieħba fil-familja tal-BirdLife minn ħames pajjiżi (Malta, Franza, il-Greċja, il-Portugall, Spanja) u lokalment ukoll id-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura– qed jaħdem biex itejjeb l-istatus ta’ konservazzjoni ta’ dan l-għasfur li jinsab taħt theddida. Il-proġett qed jindirizza żewġ sfidi partikolari li jiffaċċjaw dawn l-għasafar tul ħajjithom: il-predazzjoni minn speċi mammiferi invażivi fuq l-art, u l-qbid aċċidentali ta’ dawn l-għasafar f’tagħmir tas-sajd (magħruf bħala bycatch) fuq il-baħar.
Birdlife tħeġġeġ lill-pubbliku jagħti sehmu biex inaqqas it-theddid li jiffaċċja t-tajr tal-baħar billi ma jħallix skart fil-kampanja, li min-naħa tiegħu jikkawża żieda fil-firien. Min-naħa tħeġġeġ lis-sajjieda jikkuntattjawha biex flimkien insibu soluzzjonijiet għall-qbid aċċidentali permezz ta’ diversi miżuri u inizjattivi li jistgħu jittieħdu.
Il-proġett ta’ €3.45 miljun huwa ko-finanzjat mill-programm LIFE tal-Unjoni Ewropea (UE) u mill-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali.
//= $special ?>