Sport Sport Ieħor

PO’s Bar jirbħu l-konfront dirett u jitilgħu l-ewwel fi grupp B

PO’s Bar Gudja telgħu fl-ewwel post tal-klassifika ta’ grupp B tal-kampjonat tas-sajf organizzat mill-Assoċjazzjoni Maltija tad-Darts meta f’logħba diretta għall-ewwel post huma għelbu lil Manchester Conquest Pub 4-2.

Kienet logħba verament missielta bejn żewġ timijiet li kienu għaddejjin minn mument pożittiv f’dan il-kampjonat tas-sajf. Minkejja li sabu ruħhom minn taħt, il-Gudjani kienu pronti qalbu r-riżultat favurihom u għalkemm is-Sengleani baqgħu dejjem viċin tagħhom, l-aħħar żewġ games kienu determinanti sabiex fuq ir-riżultat finali. Martin Sacco ta’ PO’s Bar irreġistra l-ogħla skor ta’ 122 punt.

St Paul’s Diamonds laħqu lil Manchester Conquest Pub fit-tieni post tal-klassifika wara li għelbu lil Sliema Inter DC 4-2. It-tim minn San Pawl il-Baħar kien dejjem fil-kontroll tal-logħba u rreġistra tliet punti importanti sabiex jibqa’ jissielet għall-post fis-semifinali ta’ din il-kompetizzjoni.

Brian Mcauley ta’ Sliema Inter DC irreġistra l-aqwa skor ta’ 180.

Fl-unika logħba li kellna minn grupp A, Ħamrun Bayern fetħu vantaġġ ta’ tmien punti fuq l-eqreb rivali tagħhom meta għelbu lil Top Gun Bar 5-1. Il-Ħamruniżi, li huma favoriti li jirbħu dan it-turnament, stabilixxew vantaġġ tajjeb u għalkemm Top Gun naqqsu l-marġni tal-iskor, ftit kellhom diffikulta’ jaslu għar-rebħa finali. Charles Cauchi ta’ Top Gun Bar kellu l-aqwa skor ta’ 180.