Fl-aħħar ġimgħat numru ta’ raħħala u bdiewa esprimew it-tħassib tagħhom dwar dak li għaddejjin minnu.
Dan wara li minħabba l-pandemija tal-Covid u d-dewmien biex jaslu ċerti prodotti minn barra, kienu obbligati jittardjaw it-tlestija ta’ proġetti agrikoli li kienu qed jaħdmu fuqhom b’fondi mgħotija mill-Unjoni Ewropea.
Fid-dawl ta’ dan kollu, jekk il-Gvern jibqa’ jippersisti li dawn il-proġetti għandhom jitlestew fiż-żmien stipulat, se jkunu f’riskju li ma jitħallsux l-eluf ta’ fondi Ewropej allokati għall-biedja Maltija.
Għalekk il-Partit Nazzjonalista permezz tal-Kelliem għall-Agrikoltura u s-Sajd Toni Bezzina u l-Kandidat għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew Peter Agius, qed jappella lill-Gvern biex lilhinn mill-burokrazija juri ftit flessibilita fuq it-tkomplija ta’ proġetti agrikoli minn fondi Ewropej.
Il-bidwi u r-raħħal Malti diġà jrid jaffronta ċirkostanzi diffiċli u għalhekk, dawn iċ-ċirkostanzi għandhom jittieħdu inkonsiderazzjoni mill-awtoritajiet billi tintwera aktar flessibilità f’din is-sitwazzjoni għall-ġid tal-partijiet ikkonċernati kollha. Dan jista jsir billi tingħata estensjoni tad-data tat-tlestija tal-proġett fejn hemm raġunijiet validi.
Il-Partit Nazzjonalista enfasizza l-ħtieġa li l-politiċi jkunu iktar qrib il-bdiewa u r-raħħala, għax dawn huma l-persuni li jipprovdu lill-familji Maltin il-prodotti lokali tant meħtieġa.
//= $special ?>