Kunsilli Lokali Lokali

“Azzjoni issa qabel ikun tard wisq” – James Aaron Ellul

Intervista mal-Minority Leader tal-Floriana James Aaron Ellul

Fiex jikkonsisti l-proġett kif propost mill-Gvern dwar Triq Sant Anna?

Sa issa għadna ma nafux eżatt fiex jikkonsisti dan il-proġett, għax pjanti għadna ma rajniex. Fl-aħħar jiem ġejna mgħarrfa li l-istudji dwar dan il-proġett għadhom għaddejjin. Rajna biss stampi tal-ħsieb. Hemm dubju dwar jekk hux se jsir il-proġett bħall-istampi li rajna. Ma nafux jekk il-proġett hux se jkun ġnien jew zona pedonali. Din hija s-sitwazzjoni preżenti. Ħafna qed jassumu u jiddiskutu, iżda x’hemm pjanat eżatt min-naħa tal-Gvern għadna ma nafux.  

X’inhi l-pożizzjoni tal-Kunsilliera tal-PN? X’viżjoni għandu l-PN fil-Floriana għal-lokal?

Il-pożizzjoni tal-PN fil-Floriana hija li ssir riġenerazzjoni denja tal-lokal. Li fuq kollox il-prijorità tkun li meta jsir investiment, l-investiment ikun qed jikkonċentra li jħares lir-residenti li huma l-qalb tal-lokal. Il-problema tal-Floriana hija li familji ftit li xejn fadal, u l-populazzjoni dejjem qed tikber fl-età. Dan qed iħalli impatt kbir fuq il-Floriana t’għada u għalhekk din il-politika li jien addottajt mill-ewwel jum li tlajt fil-Kunsill, lura fl-2015. Prijorità lill-qalb u lill-identità li tagħmel lill-Floriana.  

Tajjeb li ssir riġenerazzjoni, tajjeb li Sant’Anna tkun restawrata, li jsirilha x-xogħol kollu meħtieġ għall-aħjar. Fil-prinċipju dan kollu rridu naqblu miegħu. Tajjeb ukoll li fil-proċess, Triq Sant’Anna ssir mitqlu deheb u tisbieħ, iżda ma’ dan il-proġett jeħtieġ li jsiru inizjattivi u proġetti oħra li jelevaw il-valur tal-lokal kollu u mhux ta’ Triq waħda biss. Tajjeb li ngħidu wkoll li jekk ħa jsir proġett ninkludu lill-istakeholders konċernati, biex ħadd ma jitħalla lura, biex kulħadd ikun infurmat.

Dan ifisser li jeħtieġ li jkun hemm aktar għajnuniet għal skemi li jħajru familji jirritornaw lejn il-Floriana u oħrajn ġodda jkunu mħajra jgħixu fil-Floriana. Li jsir investiment apparti biex il-binjiet abbandunati jingħataw il-ħajja. Is-sitwazzjoni hija prekarja, kull ma jmur il-populazzjoni tal-lokal qed tinżel u llum nazzarda ngħid li lanqas tmiss l-2,000 ruħ. Jeħtieġ azzjoni issa, qabel ma jkun tard wisq.

X’diskussjonijiet saru s’issa mal-Kunsill u fejn waslu?

Ilna nitolbu numru ta’ drabi biex issir laqgħa ta’ konsultazzjoni dwar dan il-proġett. Kien hemm numru ta’ okkazjonijiet fejn tlabna biex isiru laqgħat ta’ konsultazzjoni, jew jekk sa dak iż-żmien bħala Furjaniżi konniex ġejna kkonsultati, fosthom hemm il-minuti tal-laqgħa ta’ tmien leġiżlatura 41.5.1 u kif ukoll 44.2.3. Dawn huma biss żewġ eżempji. Kien hemm numru wkoll appelli kontinwa fil-pubbliku biex isiru laqgħat ta’ konsultazzjoni kemm minni, mill-Kunsilliera Palmier u kif ukoll minn għadd ta’ Furjaniżi.  

Ftit tal-jiem ilu, saret l-ewwel laqgħa. Dejjem sa fejn nafu jien u l-kollega Justine Palmier. Inkun onest kienet laqgħa fejn saret diskussjoni ta’ dak li aħna bħala Furjaniżi qed nisimgħu mingħand residenti oħra u sidien tal-ħwienet dwar x’jeħtieġ li jsir biex il-proġett ikun tassew ta’ fejda għal kulħadd. Pass pożittiv ħafna. Madankollu għadna ma nafux kif se jkun eżatt il-proġett għax l-istudji għadhom għaddejjin. Intqal li qed isir ukoll studju permezz tal-Ground Penetrating Radar li se jkun żgur mhux forsi se jħalli impatt fuq x’deċizzjoni se tittieħed dwar dan il-proġett. Tajjeb li wieħed iħares ukoll lejn it-traffiku li preżentament jgħaddi mit-toroq li jmissu ma’ Triq Sant’Anna, x’soluzzjoni se jkun hemm biex kull resident ikollu aċċess b’kumdità għal daru jekk iz-zona ssir ġnien jew waħda pedonali?

Li jinkwetani huwa li sa issa ma saritx konsultazzjoni mar-residenti, u lanqas mas-sidien tan-negozji. Dawn kollha se jiġu affetwati, min bil-ftit u min bil-ħafna. Intqal li dawn il-laqgħat għandhom isiru, u fl-opinjoni tiegħu jeħtieġ li jsiru minnufih għax hemm il-ħajja ta’ kuljum ta’ bosta, kemm residenti u kemm sidien tal-ħwienet. Ħaġa tajba huwa li jidher li kemm il-Ministeru u kif ukoll dawk kollha konċernati iridu li l-Kunsill Lokali Furjaniż jibqa’ kkonsultat.

Irridu nifhmu wkoll li hemm materji pendenti minħabba dan il-proġett li qed jgħidu li ma nistgħux nieħdu ħsiebhom, jew nirranġawhom minħabba li se jsir il-proġett. Fosthom is-subways ta’ Triq Sant’Anna. Min-naħa tal-PN fil-lokal konna għedna li x-xogħol kif sar fl-aħħar snin mhux wieħed sostenibbli, u llum iż-żmien sfortunatment tana raġun għax kontinwament qed ikun hemm żblokk ta’ drenaġġ, dawl jinqata’ u abbużi oħra. Aktar ma jdum il-proċess tal-istudju aktar jippersistu dawn il-problemi. Dan il-punt tqajjem numru ta’ drabi mill-PN fil-laqgħat u anki fuq il-midja soċjali.

Nittama li għal dan il-proġett il-Gvern ma jkaxkarx saqajh biex ma jiddiskutix u mbagħad jaghmel fattih, dan kif ġara mar-residenti fil-Belt Valletta ftit tal-ġimgħat ilu dwar il-mużika għolja sas-1am.

Triq Sant Anna hi waħda biss mill-problemi li qed jiffaċċjaw ir-residenti fil-Floriana?

Użgur li le. Irridu nkunu ċari li l-idea li Triq Sant’Anna ssir pedonali jew ġnien ilha mill-1990. Fl-aħħar snin il-PN fil-Floriana appella numru ta’ drabi biex isir xogħol ta’ restawr fil-loġoġ, fejn anki pproponejna t-tema ta’ kuluri diversi għal kull loġġa. Din kienet biss idea minn ħafna oħrajn. Fl-aħħar laqgħat ukoll sar appell biex jinbiddlu l-madum, u kif ukoll biex l-art tibda tinħasel aktar ta’ spiss.  

Il-problema ta’ tniġġis hija oħra, Triq Sant’Anna hija l-aktar Triq imniġġsa f’Malta u meta saqsejna fejn se jmorru l-emissjnijiet jekk Sant’Anna titħaffer, intqal li se tinħoloq sistema li tassorbi hi l-emissjonijiet u mhux jinħarġu barra fit-triq.

Fil-Floriana iżda għandna l-problema kbira ta’ skart u n-nuqqas ta’ ndafa. Il-Kunsilli qed jitħallew qoxqox fuq kuntest ta’ finanzi biex tassew inkunu nistgħu nżommu l-upkeep ta’ livell. L-upkeep qed ikun biex biex ngħaddu, u ma nistgħux naħdmu hekk. Min-naħa tagħna, bħala PN fil-Kunsill proponejna biex isir l-ħasil ta’ toroq u l-bankini biex din il-problema tittaffa’. Madankollu konxji li l-ħasil mhux is-soluzzjoni assoluta, jeħtieġ koperazzjoni minn kulħadd biex il-Floriana tinżamm nadifa.  

Il-Floriana għandha wkoll numru ta’ soft areas li ma jaqgħux taħt il-ġurisdizzjoni tal-Kunsill. Hemm uħud li nkun onest ma jsirx ix-xogħol meħtieġ kif suppost. Ġnien il-Mall għadu mhux lest, qed ikollna problemi ta’ sigurtà fiz-zona, b’ilmenti minn residenti li fid-dlam li qed ikun hemm, qed jiżdied l-abbuż. Kemm il-PN fil-Kunsill u kif ukoll il-Kunsill kollu appellajna biex sa issa tinħoloq soluzzjoni temporanja ta’ floodlights biex iz-zona tinxtegħel.

Riċenti kellna sfidi fejn l-organizzaturi tal-kunċerti jħallu l-iskart wara għal numru ta’ jiem. Dan mhux aċċettabbli. Mela sliftlek dari biex tagħmel kunċert, u wara ma ttihilix lura kif tajtilek. Dan apparti li konsultazzjoni qabel ma tantx issir, u f’waqtiet l-organizzaturi jinsew li hemm ir-residenti fil-lokal. Nemmen bis-sħiħ li dwar dan il-Kunsill irid ikun ikkonsultat, u meta ma jkunx ikkonsultat ifittex hu li ssir konsultazzjoni u li fuq kollox ikun mismugħ. Dan l-appell ili nsostnih, u l-PN ilu jħaddnu għal numru ta’ snin.

Infatti lura fl-2018, kont għaddejt mozzjoni f’isem il-PN li ġabet qbil tal-Kunsill kollu biex il-Fosos ikun imħares tassew, u min suppost għandu l-ġurisdizzjoni ta’ dan, jaqdi dmiru u jħares dan il-wirt nazzjonali. Dwar dan id-diskussjonijiet għadhom għaddejjin u ‘l quddiem se nkun qed nikteb f’aktar dettall.  

L-abbandun, u n-nuqqas ta’ riġenerazzjoni qed iġib miegħu problemi oħra, problema ta’ galleriji u bini li ġieli biċċiet minnu jaqgħu fit-triq. Dan qed joħloq periklu. Binjiet ukoll li qed iservu bħala bejtiet għall-ħamiem, li jġibu magħhom problemi senitarji. Kollox jaħdem bħal katina, problema jekk ma tkunx imħarsa, toħloq oħrajn. L-istess ukoll limitati fir-riżorsi umani għall-ordni, bil-Pulizija jagħtu l-100% u kif, iżda minħabba nuqqas ta’ risorzi umani qed tkun dejjem aktar diffiċli biex jaqdu l-ħtiġijiet tal-lokal.Nieħu din l-opportunità biex nirringrazzja l-uffiċjali li jaħdmu fl-Għassa tal-Floriana u kif ukoll jaqdu lill-komunità bl-aqwa mod.

Lura fl-2017, kont preżentajt mozzjoni biex il-Masġar tal-Ġublew jingħata t-titlu ta’ Park tal-Familja u li jkun imħares kif suppost. Dan il-masġar huwa l-unika f’nofs il-bini urban tal-Port il-Kbir u huwa rigal ta’ nifs nadif li jeħtieġ l-attenzjoni. L-għan tal-mozzjoni kien dan, iżda sal-lum għalkemm iltqajna mal-Gvern dwar dan, bqajna bla direzzjoni ‘l quddiem, filwaqt li l-abbuż fiz-zona għadu jippersisti b’nuqqas mill-awtoritajiet konċernati tal-Gvern li jagħrfu l-potenzjal ta’ dan il-masġar uniku. ‘Il quddiem se nkun qed nitkellem aktar dwar dan.

Hu l-każ li l-Floriana l-ewwel teħtieġ li tindirizza l-veru problemi li qed ixekkluha qabel il-proġett ta’ Triq Sant’Anna?

Nemmen ħafna fil-politika ta’ bilanċ, li tinkludi lil kulħadd, ma tistax tagħmel proġett maġġuri bħal dan, mingħajr ma tħares il-problemi li hemm u li se jinħolqu. Niftakru li dan il-proġett, jekk isir, se jkun fil-qalba ta’ lokalità li fiha jgħixu n-nies. Alterja priċipali li tgħaqqad ‘il-Malta mal-Kapitali.

Importanti li dawn it-temi li ktibt hawn fuq jingħataw attenzjoni assoluta, u nemmen li huma ftit mill-ħafna problemi li bħalissa qed naffaċjaw.

Il-PN ilu żmien jappella għall-konsultazzjoni, ilu żmien jipproponi anki minn għadd ta’ mozzjonijiet biex il-Floriana tittejjab. Minn Minoranza qed nagħmlu minn kollox biex intejbu ħajjet il-Furjaniż, f’waqtiet naslu, f’ċirkustanzi oħra nsibu reżiżtenza. Li hu żgur li l-ħidma se tissokta biex bħala PN nirrapreżentaw bl-aqwa mod lil-lokal tagħna, f’kull aspett.

Aħna se nibqgħu disponnibli u fejn jeħtieġ li tagħmlu kuntatt, tiddejqux tagħmlu dan.