Sport Waterpolo

“Għalija Exiles mhux tim biss imma klabb u familja wkoll” – Timmy Sullivan wara l-aħħar logħba fil-karriera

(Ritratt: Martin Agius)

Artiklu: Stewart Said

Il-waterpolo lokali din is-sena se jkun qed jitlef plejer ieħor li ta servizz twil hekk kif is-Sibt 6 ta’ Awwissu 2022 kienet l-aħħar logħba fil-karriera ta’ Timmy Sullivan. Beda l-karriera tiegħu fis-sena 2000 u minn dakinhar sal-lum, kiseb ir-rispett tal-maġġoranza assoluta tal-familja lokali tal-waterpolo, bis-sens ta’ dixxiplina u diliġenza fil-logħob tiegħu.

Matul dan ix-xahar se jkun qed jagħlaq 38 sena u Sullivan issa ħass li wasal iż-żmien li jieqaf jagħmel dak li għamel għal 22 sena sħaħ. “Il-waterpolo sport sabiħ imma minn mindu bdejt għalissa sar sport full-time. Bejn familja u xogħol saret naqra diffiċli biex nagħti dak l-impenn li nixtieq biex nuri rispett lejn il-klabb, sħabi u l-kowċis tiegħi. Ma stajtx nagħti kemm xtaqt imma kuntent b’kollox.”

(Ritratt: Exiles Sports Club)

Il-karriera ta’ Sullivan mis-sena 2000 sal-lum kienet dedikata lil Exiles, b’eċċezzjoni ta’ erba’ staġuni. Mill-2013 sal-2016, lagħab għal Sliema qabel reġa’ rritorna ma’ Exiles. Mas-Slimiżi rebaħ in-knock-out tas-sajf fl-2013, il-Kampjonat tax-Xitwa fl-2014 u t-Tazza tal-President fl-2015 iżda naqas li jirbaħ il-Kampjonat tas-Sajf, xi ħaġa li ma għamilx lanqas ma’ Exiles minkejja li rebaħ xi unuri magħhom fl-Ewwel Diviżjoni.

Sullivan kellu kliem ta’ tifħir għal Exiles u l-fatt li lagħab magħhom għal dawk is-snin kollha, hi xhieda tar-relazzjoni ta’ rispett reċiproka li kellu mal-klabb. “Lgħabt ma’ klabb li jieħu ħsieb il-plejers tagħhom. Għalija Exiles mhux tim biss, klabb imma familja wkoll, nieħu gost ninżel il-klabb ukoll. Xi drabi naqra rispett lejn min tak iċ-ċans tiswa ħafna wkoll,” kompla Timmy Sullivan.

Għalkemm il-karriera ta’ plejer tiegħu ntemmet, dan ma jfissirx li lil Timmy Sullivan mhux se nerġgħu narawh parti mill-klabb ta’ Exiles. Filwaqt li l-prijorità tiegħu hi li jistrieħ u jqatta’ aktar ħin mal-familja, Sullivan jixtieq jagħti xi ħaġa lura lill-klabb. Għalhekk fil-futur nistgħu nerġgħu naraw lil Timmy Sullivan fix-xena tal-waterpolo lokali ma’ Exiles.