Lokali

Graffiti magħmula minn missier u iben issir attrazzjoni fil-Mellieħa

Il-Mellieħa dejjem kienet fuq fomm kulħadd għas-sbuħija li toffri; mhux biss fost il-Maltin iżda wkoll fost il-mijiet ta’ turisti li jżuru din il-lokalità.

Iżda issa  zdiedet attrazzjoni gdida; bicca xoghol ta’ arti mill-isbaħ li saret fl-aħħar ġranet minn missier u iben… kollaborazzjoni li tathom tant sodisfazzjoni hekk kif din kienet l-ewwel darba li ħadmu flimkien.

Il-graffiti toħroġ il-karatteristiċi ewlenin tal-Mellieħa… il-luzzu u t-tonn. Kif jispjegalna Lewis Zammit, l-artist li ħadem fuqha għall-okkażjoni tal-Iljieli Melliħin.

“L-idea kienet ta’ Pierre li nagħmlu luzzu,” qal Lewis. “Xogħol sabiħ għax taħdem fil-pubbliku waqt li titkellem man-nies. L-idea bdiet li nagħmlu luzzu fit-taraġ.”

Lewis minn dejjem kellu għall-qalbu l-arti… u aktar ma kiber aktar beda japprezzaha, tant li issa ilu mal-20 sena jagħti dak kollu li jaf fuq l-arti lill-istudenti tiegħu.

“Nappella biex iż-żgħażagħ l-ewwel nett jitħarġu iżjed fl-affarijiet li jħobbu jagħmlu u meta jkunu lesti joħorġu fil-pubbliku biex juru x-xogħol tagħhom,” qal Lewis.

Ix-xogħol fuq il-graffiti ħa il-ġimgħat hekk kif il-proċess ma kienx jinkludi biss ix-xogħol biż-żebgħa iżda wkoll ħsieb u pjanar ieħor bħal sketch li ħadem fuqha iben Lewis, Pierre.

Pierre, li twieled u trabba l-Mellieħa, dejjem kellu għal qalbu l-baħar u kull ħaġa li għandu x’jaqsam miegħu. Fil-fatt, l-ewwel tpinġija li għamel ta’ tifel ċkejken kienet fuq il-baħar.

Illum il-ġurnata, li għandu 16-il sena, jixtieq ikompli wara l-passi ta’ missieru tant li se jkompli jiffoka l-istudji tiegħu fuq l-arti.

“Tfisser ħafna għalija għax jien minn dejjem kont narah jaħdem fuq it-taraġ jew mal-ħajt,” qal Pierre. “Minn dejjem xtaqt nagħmilha miegħu iżda għax kont għadni żgħir qatt ma stajt. Issa li nista’ ħadt l-opportunità.”

U ‘l quddiem jittama li jwettaq il-ħolma li ilha tberren f’moħħu minn mindu kien żgħir – dik li jagħmel ktieb tal-comics.

“Beda bħala passatemp u iktar domt nagħmlu iktar bdejt narah bħala xi ħaġa personali,” qal Pierre. “Issa ma narahx biss bħala xi ħaġa li nista’ nagħmel fil-ħin liberu iżda anke bħala vokazzjoni li nkun nagħmel.”