Lokali

It-Torċa tikkonferma li l-faqar se jkompli jikber

Għat-tieni ġimgħa konsekuttiva, l-gazzetta tal-GWU, ‘It-Torċa’, qegħda terġa’ tagħmel referenza għan-nuqqas ta’ għajnuna li qed tingħata lil dawk li jinsabu bi problemi kbar finanzjarji, speċifikament dawk li saħansitra jinsabu fil-periklu li jitilfu s-saqaf li għandhom fuq rashom.

Ġimgħa ilu, kienet l-istess gazzetta li rrappurtat li kien hemm żieda ta’ 13% fl-ammont ta’ nies li qed jorqdu barra fit-toroq u qalet li dan in-numru mistenni jiżdied fix-xhur li ġejjin.

Aktar kmieni din il-ġimgħa Net News tkellem ma’ Anthony Camilleri, l-kap eżekuttiv tal-YMCA fejn spjegalna s-sitwazzjoni gravi li jinsabu fiha ċentri, bħal dawk tal-YMCA, li jofru kenn lil dawk li m’għandhomx saqaf.

il-gazzetta tal-Ħadd ‘It-Torca’ kkonfermat dak li rrapporta New News.

Fl-analiżi tagħha il-gazzetta tal-GWU ħadet il-kummenti ta’ Anthony Camilleri, kif ukoll tkellmet ma’ għadd ta’ persuni li sabu ruħhom f’din is-sitwazzjoni prekarja.

Fost dawk li tkellmu, kien hemm min qal li jinsab fi stat iddisprat, uħud qalu li qed iħossu li qed joqrobilhom iż-żmien fejn se jkollhom jippakjaw ħwejjiġhom mill-post fejn qed joqodu u jmorru jorqdu fil-karozza tagħhom.

Skont il-gazzetta ‘It-Torċa’, din is-sitwazzjoni hija kkawżata miż-żieda fil-prezzijiet tal-appartamenti madwar pajjiżna, madankollu, fl-artiklu hemm referenza wkoll għal-għoli tal-ħajja li qegħda tkompli tpoġġi pressjonijeit kbar fuq il-bwiet tal-poplu Malti.

Tags