Internazzjonali

Iżrael: Jiħrax il-konflitt mal-militanti ta’ Gaza fost l-attakki reċiproki

Iżrael, fl-aħħar sigħat, kompla bl-attakki mill-ajru fuq il-militanti Palestinjani f’Gaza u meta l-qawwiet Iżraeljani kkonfermaw li rnexxielhom jeliminaw it-tieni kap tal-militanti f’anqas minn 48 siegħa.

Il-kapijiet maqtula kien  jisimhom Khaled Mansour u Tayseer Jabari u meta mifhum li l-Palestinjani maqtula fl-aħħar azzjonijiet militari qabżu sew l-40.

Filwaqt li ċ-ċifra tal-Palestinjani maqtula mistennija titla, sar magħruf li numru fost il-vittmi tal-attakki mill-Iżraeljani kienu militanti tal-grupp Ġiħad Iżlamiku li hu wieħed mill-aktar avversarji ħorox ta’ Iżrael.

Intant, ir-rapporti mill-inħawi qalu wkoll li l-vittmi mill-attakki mill-ajru tal-Iżraeljani kienu jinkludu xi ċivili u talanqas sitt itfal. Dan ukoll meta l-Palestinjani feruti fl-aħħar azzjonijiet qabżu l-200.

Min-naħa tagħhom il-militanti Palestinjani ilhom min-nhar il-Ġimgħa jisparaw il-mijiet tal-missili u balal tal-mortars lejn Iżrael. Fil-fatt, l-Iżraeljani qalu li kienu kostretti li jirrikorru għall-attakki mill-ajru fuq Gaza minħabba t-theddida immedjata tal-grupp Ġiħad Iżlamiku.

Dan hu l-aktar perjodu qalil ta’ vjolenza bejn Iżrael u l-militanti f’Gaza minn Mejju tal-2021 – meta konflitt ta’ ħdax-il jum kien sewa l-ħajja ta’ ‘il fuq minn 200 Palestinjani u xi 15-il Iżraeljan.

Issa, il-militar Iżraeljan qed jgħid li din il-kampanja kontra l-militanti tal-Ġiħad Iżlamiku kapaċi tkompli matul l-ġimgħa d-dieħla — u meta s-sitwazzjoni qed tiħrax sew.

Dan waqt li l-Palestinjani f’Gaza sparaw il-missili li laħqu l-inħawi ta’ Ġerusalemm għall-ewwel darba mill-ġranet tal-konflitt tal-2021.

L-isparatura seħħet wara li l-Iżraeljani qatlu lill-kap militanti ewlieni Khaled Mansour waqt attakk mill-ajru fuq residenza fil-kamp tar-refuġjati ta’ Rafah, lejn in-nofsinar ta’ Gaza.  Mansour, qabel, kien żgiċċa minn diversi attentati fuq ħajtu mill-Iżraeljani li kienu qed jakkużawh bħala l-moħħ wara ‘azzjonijiet terroristiċi ‘il hinn minn Gaza’.

Il-qawwiet tal-ajru Iżraeljani, issa, anki kkonċentraw l-attakki fuq network ta’ mini f’Gaza u l-madwar li kienu qed jaħdmu fuqhom il-militanti tal-Ġiħad Iżlamiku.Fl-istess ħin, l-Iżraeljani komplew jarrestaw lill-membri tal-Ġiħad Iżlamiku waqt numru ta’ rejds fix-Xatt tal-Punent.

Sadanittant, il-grupp Hamas tal-Palestinjani Iżlamiċi – li hu l-akbar moviment ta’ militanti fiz-zona u li għandu ideoloġija simili għal tal-Ġiħad Iżlamiku – jidher li qed iżomm lura mill-aħħar ostilitajiet.Fl-istess ħin ma hemm l-ebda rapporti li l-qawwiet tal-ajru Iżraeljani qed jikkonċentraw fuq xi miri tal-Hamas meta azzjoni bħal din, bla dubju, għandha twassal għal eskalazzjoni fil-ġlied attwali.