Internazzjonali

Jintfew l-magni wara li allegatament ipprova jagħmel sfida ta’ TikTok

Fl-aħħar sigħat intefew il-magni li kienu qed iżommu lil Archie Battersbee, tifel ta’ 12-il sena ħaj. Dan wara li allegatament it-tifel ipprova jagħmel sfida li kienet qed tinxtered fuq TikTok.

L-isfida, bl-isem ta’ blackout, tappella biex wieħed iżomm in-nifs sakemm jintilef minn sensih hekk kif wieħed ma jkunx qed iħalli biżżejjed ossiġnu jasal għall-moħħ… u dan biex sempliċiment wieħed ikollu ftit likes.

Archie kien spiċċa bi brain damage tant li l-magni biss kienu qed iżommuh ħaj. Fil-fatt, sakemm intfew il-magni, Archie qatt ma reġa’ ġie f’sensih.

Il-ġenituri tiegħu kienu dahru għall-Qorti Ingliża hekk kif ma riedux li l-magni jintfew, b’tama li t-tifel joħroġ mill-koma. Madanakollu, il-Qorti qablet mad-deċiżjoni tat-tobba li l-magni għandhom jintfew.

TikTok, bħalissa qed taffaċja tliet kawżi l-Qorti dwar din l-isfida li diġa’ ħalliet tlett itfal mejtin. Minkejja dan, TikTok qed jibqgħu jgħidu li sfidi li jheddu l-ħajja ta’ xi ħadd ma jinżammux fuq il-pjattaformi tagħhom.