Wieħed mill-aktar albums li għamel marka sinifikanti fl-istorja tal-mużika popolari lokali kien
‘Għanjiet minn Malta – Songs from Malta’. Dan l-album li joħroġ l-kollaborazzjoni mużikali ta’ Prof
Charles Camilleri mżewweġ tant tajjeb mal-versi tal-Prof Joe Friggieri, wassal għall-popolarità lill-
kantanta Mary Rose Mallia li bil-ħlewwa, id-dinamika u l-grinta tal-vuċi tagħha, sawret dawn l-
għanjiet fost is-sbieħ fir-ripertorju klassiku f’dak li ħareġ minn din il-gżira. U min ma semax b’Il-
Festa u Il-Pont ta’ Wied Rummiena?
Hemm imnaqqax fihom sens ta’ identità nazzjonali, kanzunetti ‘artistiċi’ miktuba b’abbiltà u
intellettwali, l-użu ta’ kliem in-nies tat-triq mal-mużika ħelwa li tpaxxilek widnejk, ispirata mill-vina
u l-idjoma li tgħid, “din Maltija”. Uħud minn dawn l-għanjiet indaqqu fuq l-indaqqu u għalkemm
għadda minhom nofs ta’ seklu, għadhom sbieħ, għadhom friski, għadhom jintalbu. Ħamsin sena oħra,
jien ma nkunx hawn, iżda dawn ikunu għadhom jindaqqu u probabbli, aktar imfittxija.
‘Għanjiet minn Malta’ inħema fiż-żmien elettrifikanti, fiż-żmien “il-ftugħ il-wiesgħa”. Fiż-żmien li
Malta kienet taspirak. Il-bidla soċjali, ekonomika u kulturali mwettqa fit-tieni nofs tas-sittinijiet wara
l-kisba tal-Indipendenza, rat ir-rota ddur f’daqqa – il-letteratura, liema Moviment Qawmien Letterarju
ħoloq ironikament elitiżmu ġdid; il-femminiżmu, l-element akkademiku u dak intellettwali, u l-kultura
żagħżugħa esposta għall-kurrent ta’ dak li kien qed jinżamm fiż-żewġ naħat tal-Atlantiku, kienu qed
jiffunzjonaw simultanjament.
L-ekonomija Maltija kienet qed tara żvilupp sostenibbli f’manifattura għall-esportazzjoni u t-turiżmu
kien beda jiffjorixxi sew. Jinnamra mat-turiżmu, id-divertiment mużikali u l-‘Lejla Maltija’ fil-
lukandi mmirati għal dawk li kienu qed ippoġġu l-istorja, ix-xemx u l-baħar fl-aġenda tas-safra
tagħhom. Kien iż-żmien meta beda jinħass il-polz li l-Malti jrid ikun jaf min hu.
Ħamsin sena ilu
L-1972 tiddokumenta l-mawra ta’ Lord Carrington f’Malta, l-użu tal-muniti deċimali u t-tħeżżiża li
kulħadd kien erħilha lejn Ta’ Qali, il-Fosos u spazji miftuħa. F’dik is-sena wkoll, l-industrija mużikali
Maltija bdiet twarrad. L-istabbilimenti tad-diski ta’ Anthony D’Amato kien nieda l-ewwel cassette
bil-Malti li nkluda 14-il għanja. David Azzopardi, dak iż-żmien Patri mal-Moviment tas-Soċjetà
Missjunarja ta’ San Pawl (MSSP), flimkien mal-MSSP Guitar Group kien nieda l-ewwel single tiegħu
Paċi u Sliem/Taf xejn il-kulur t’Alla fuq it-tikketta Ciro Records. Vanni Pule u Maryanne u xi ħbieb
ħarġu l-EP ‘Protesta’ fuq it-tikketta Electro. Fil-25 ta’ Marzu, l-għada tad-duluri, Malta tieħu sehem
fis-17-il edizzjoni tal-Eurovision Song Contest fl-Iskozja b’L-Imħabba interpretata minn Helen
Micallef u Joe Cutajar tikklassifika fit-18-il post, fost it-18 parteċipant. Toħroġ rebbieħa, Vicky
Léandros b’Après toi, rebħa mistħoqqa għal-Lussemburgu, waħda mis-sbieħ li ħarġu fl-istorja ta’ dan
il-manifest mużikali.
L-Imħabba kellha kliem ta’ Albert M. Cassola, wieħed mill-aktar awturi magħrufa fost il-parteċipanti
tal-Malta Song Festival. Il-mużika kienet ta’ Charles Camilleri, avventura ġdida għal dan il-
kompożitur f’dan ix-xenarju li żgur ma marritlux kif xtaq. B’dan kollu, l-1972 żgur li ma ħallitlux il-
morr!
Jitwieled ‘Għanjiet minn Malta’
Fl-ewwel jiem t’Awwissu tal-1972 għall-festa tas-Salvatur ta’ Ħal Lija, kien tnieda ‘Għanjiet minn
Malta/Songs from Malta’, deskritt bħala l-ewwel Long Play (LP) sterjofoniku maħruġ f’Malta. Il-
ġurnali lokali rrappurtaw il-konferenza għall-aħbarijiet li kienet inżammet fil-Lukanda Phoenicia fil-
Furjana li għaliha kien hemm preżenti l-protagonisti, Charles Camilleri, Joe Friggieri u Mary Rose
Mallia li kien għad kellha 19-il sena. Preżenti magħhom kien hemm is-sinjorina Liliana Vella Cousin,
ir-rappreżentanta tal-Malta Talent Artist li kienu ħadu ħsieb id-distribuzzjoni f’Malta ta’ dan l-LP,
għalkemm wara din għaddiet f’idejn Pawlu Mizzi tal-Klabb Kotba Maltin. Fl-armaturi tal-ħwienet
tad-diski, l-LP kien qed iġib il-prezz ta’ Lm1.50 (€3.49). Mistoqsi kemm kien dam jikteb il-mużika
għalih, Camilleri kien qal li ħa madwar sena. Dan kien ir-raba’ album li rrekordja.
‘Għanjiet minn Malta’ ġabar fih 12-il għanja – ‘art songs’, tnejn minhom strumentali. Dawn ġew
irrekordjati b’mod professjonali f’CTS Studios ta’ Londra fuq it-tikketta Academy. Dan l-LP kien
ippubblikat minn Monjon Production Ltd bi produzzjoni ta’ John Watson. L-inġinier f’dan il-proġett
kien John Richards.
L-LP kien ippreżentat f’qoxra tal-kartun (jacket) iddisinjata minn ħu l-awtur stess, Donald Friggieri li
kien pijunier fit-tagħlim tad-disinn tridiensjonali f’Malta. Donald li inċidentalment ħalliena fi Frar li
għadda jibqa’ wkoll marbut mad-disinn tat-trofew tal-Għanja tal-Poplu. F’‘Għanjiet minn Malta’, bl-
aktar mod sempliċi iżda effettiv, Donald Friggieri joħroġ ix-xenarju u l-identità Maltija fis-sentiment
tal-ħajt tas-sejjieħ, ix-xemx u l-baħar, l-istess element li jfittex it-turist, xi ħaġa li wkoll ġie trattat
f’diski oħra tas-sittinijiet u sebgħinijiet. Dan ġie stampat fil-Progress Press.
Għalkemm il-kanzunetti huma bil-Malti, in-noti fuq wara tal-qoxra tad-diska twasslu bilingwali bil-
għan li dan ir-rekording ikun immirat għat-turist. Fin-nota bijografika, l-artistrija ta’ Charles Camilleri
tkun imxebbħa mal-ideal ‘Malti’ f’dak li kien qed jitwassal mir-rumanzier u drammaturgu
kontemporanju Francis Ebejer li kien diġà kiteb uħud mill-aqwa xogħlijiet teatrali importanti tiegħu,
fosthom Vaganzi tas-Sajf (1962), Boulevard (1964), u Menz (1967). Isemmi wkoll lill-arkitett Richard
England li fl-ewwel snin tas-sebgħin kien diġa stabbilixxa ruħu fuq ix-xogħol li kien sar fil-Bank
Centrali kif ukoll dak li kien għaddej bil-bini tal-knisja tal-Manikata.
Fost il-linji bijografiċi insibu hekk: “F’dawn l-għanjiet, spirati mill-folklor u minn temi moderni, id-
deċiżjoni tal-kompożitur li jaħdem mal-poeta liriku żagħżugħ Joe Friggieri u mal-kantanta Mary
Rose, kienet l-aħjar għażla li seta’ jagħmel. Hawnhekk il-kliem, il-leħen, u l-mużika jingħaqdu biex
jirriflettu b’mod meraviljuż l-ispirtu tal-art u tan-nies li jgħixu fuqha, f’armonija li hi qadima
daqskemm hi ġdida u ta’ dejjem.”
Fid-disgħinijiet, il-KTA kien reġa’ ħareġ dan l-album fuq CD.
//= $special ?>