Futbol Sport

Man City jibdew id-difiża tat-titlu b’rebħa…. Disfatta f’Old Trafford għal Man Utd u Erik Ten Hag

(Ritratt: EPA)

Iċ-Champions Ingliżi Manchester City bdew id-difiża tat-titlu b’rebħa tajba ta’ 2-0 fuq West Ham United fil-London Stadium — bl-attakkant Norveġiż, Erling Haaland, jintroduċi ruħu fil-Premier Ingliż b’doppjetta impressjonanti ; wieħed minnhom minn penalty li rnexxielu jikseb l-istess plejer wara azzjoni personali. Ir-riżultat, minkejja li għadu l-bidu tal-istaġun, jindika li t-tim ta’ Pep Guardiola se jagħmel l-almu biex jirrepeti s-suċċess tal-istaġun li gaħdda, bil-plejers qed jidhru li nsew diġà id-disfatta fil-Community Shield konra Liverpool, f’Wembley.

Is-Citizens affrontaw din il-logħba b’tim mibdul minn tal-istaġun li għadda. Filwaqt li l-plejers Raheem Sterling, Gabriel Jesus u Oleksandr Zinchenko telqu lill-klabb biex jissieħbu ma’ Chelsea u Arsenal (rispettivament), Man City ma baqgħux weqfin fis-suq tat-trasferimenti, b’Haaland diġà qed jindika li se joffrilhom dik ix-xi ħaġa speċjali fuq quddiem. Intant, is-Sky Blues ta’ Manchester anki għandhom tamiet kbar fl-attakkant l-ieħor Juliam Alvarez li akkwistaw mingħand River Plate tal-Arġentina u li lbieraħ daħal jilgħab minflok Haaland fit-78 minuta. Man City, fl-istess ħin, qed jidhru li għandhom nofs il-grawnd kompatt u kreattiv meta mill-ġdid mistenni staġun tajjeb minn Kevin de Bruyne, Rodri u Ilkay Gundogan li kellhom sehem kbir f’dan is-suċċess fil-London Stadium.

Is-Citizens fetħu l-iskor fl-ewwel taqsima meta Haaland daħal għal through ball u prova jaqbeż lil Alphonse Areola – bil-gowlkiper tal-Hammers iwaqqgħu fil-kaxxa għal penalty ċar.Ma kienx hemm dubju min kellu jinkariga ruħu mill-ħdax il-metru, b’Haaland isib ir-rokna tax-xibka b’xutt qawwi għall-1-0. Fit-tieni taqsima, West Ham żiedu l-isforzi tagħhom, iżda kien proprju f’ħin meta huma bdew jheddu serjament lil City li sabu ruħhom 2-0 minn taħt – bil-goalscorer mill-ġdid ikun Haaland li rċieva mingħand de Bruyne u sammar ġewwa b’xutt baxx għat-2-0 finali.

Manchester United bdew l-istaġun ġdid fuq nota ħażina b’telfa, 1-2, f’darhom kontra Brighton and Hove Albion. Ir-rebħa kienet anki waħda storika għas-Seagulls li ma kienu rebħu qatt fid-disa’ logħbiet preċedenti tal-league f’Old Trafford – bl-aħjar riżultat għalihom ( qabel ilbieraħ) ikun biss dro. Intant, Brighton qalbu l-folja b’żewġ gowls, fl-ewwel taqsima, minn Pascal Gross ( 30, 39) li ħasdu għal kollox lir-Red Devils li sa dak il-ħin kienu qed jippruvaw jimponu l-logħba tagħhom fuq l-avversarji mis-South Coast. Fil-fatt, Brighton kienu l-aħjar tim fl-ewwel 45 minuta b’Man Utd – taħt il-gwida ta’ Erik Ten Hag – juru ħafna min-nuqqasijiet tas-sena l-oħra f’nofs il-grawnd u l-attakk, bil-midfield tas-Seagulls magħmul Calcedo, MacAllister u Trossard jiddettaw ir-ritmu tal-logħba. Fit-tieni taqsima, United daħħlu lil Cristiano Ronaldo bħala sostitut iżda lanqas hu ma seta’ jagħmel differenza – anki jekk ir-Red Devils irnexxielhom inaqqsu d-distakk fit-68 minuta.

Dan meta fuq korner ta’ Bruno Fernandes, inqalgħet taħwida quddiem il-gowlkiper ta’ Brighton, Robert Sanchez, li xellef il-ballun f’saqajn sieħbu MacAllister li dawwar il-ballun fix-xibka tiegħu stess għal awtogol klassiku. Minn dak il-ħin, United bdew iżidu fil-logħob iżda minkejja d-diversi inkursjonijiet fil-kaxxa ta’ Sanchez huma sabu d-difiża tas-Seagulls lesta biex tbiegħed kull periklu, bid-difensuri Dunk u Veltman jibqgħu sodi daqs blata. It-telfa għal Erik Ten Hag tfisser li l-manager Olandiż kellu jsofri disfatta simili bħalma kien sofra l-eks manager Olandiż ta’ United, Louis van Gaal, li f’Awwissu tal-2014 kien tilef l-ewwel logħba fil-league, bl-istess skor (1-2) kontra Swansea City.

Intant, Brentford – kuntrarju għal United – wettqu ‘comeback’ impressjonanti biex salvaw dro kontra Leicester City fil-King Power Stadium u wara li l-Bees kienu fi żvantaġġ ta’ 2-0 sas-46 minuta. Il-ftuħ kien kollu ta’ Leicester li marru fil-vantaġġ b’header tad-difensur Belġjan Timothy Castagne (33) fuq azzjoni ta’ korner. Leicester, li huma l-uniku klabb tal-Premier Ingliż li s’issa ma rreġistrax plejer ġdid wieħed fit-‘transfer window’ tas-sajf , komplew jiddominaw, b’ Youri Tielemans jolqot sieq il-lasta – u bil-Foxes jidrduppjaw minn Kiernan Dewsbury-Hall fl-ewwel 25 sekonda tat-tieni taqsima. Il-gowl donnu ta spinta ġdida lil Brentford li naqqsu d-distakk minn Ivan Toney (62) li skorja mill-viċin fuq l-assist ta’ Rico Henry Ftit wara, Toney tilef ċans mill-aqwa għad-dro meta xeħet barra f’azzjoni li fiha Wesley Fofana ta’ Leicester kważi kkommetta awtogol u bil-ballun jaħbat mal-lasta. Iżda l-aħħar kelma xorta waħda kienet ta’ Brentford meta s-sostitut Josh Dasilva (86) kkonkluda azzjoni insidjuża, bil-gowlkiper Ward jispiċċa megħlub mill-ġdid għat-2-2 finali.

PREMIER LEAGUE

Il-Ġimgħa: C’Palace v Arsenal 0-2, Ilbieraħ: Fulham v Liverpool 2-2, Tottenham v Southampton 4-1, Newcastle v N.Forest 2-0, Leeds v Wolves 2-1, Bournemouth v Aston Villa 2-0, Everton v Chelsea 0-1 Illum: Leicester v Brentford 2-2, Man Utd v Brighton 1-2, West Ham v Man City 0-2