Internazzjonali

Stati Uniti: Akkużi li ċ-Ċina qed taġixxi b’mod ‘irresponsabbli’

L-Istati Uniti akkużat liċ-Ċina dwar azzjonijiet ‘irresponsabbli u provokattivi’ fost rapporti li l-qawwiet Ċiniżi kienu għaddejjin bi provi għal attakk fuq it-Tajwan. Sadanittant, it-Tajwaniżi rreaġew għall-eżerċizzji attwali li ċ-Ċina qed tmexxi ftit ‘il bogħod minn arthom, fejn stazzjonaw l-ajruplani u l-vapuri tal-gwerra fl-aktar zoni delikati. Dan ukoll meta l-eżerċizzji tal-qawwiet Ċiniżi barra t-Tajwan daħlu fil-ħames jum – bl-inċertezza fir-reġjun jilħaq livell akut.

It-tensjoni qed issegwi żjara minn Nancy Pelosi, l-iSpeaker tal-Kamra Amerikana tar-Rappreżentanti fit-Tajwan….Żjara li ċ-Ċina tqisha b]ala sfida ‘għas-sovranità tagħha fuq it-Tajwan’ u minkejja li t-Tajwaniżi ilhom jeżistu s-snin bħala Stat indipendenti u demokratiku.

L-aħħar rapporti qalu li l-bastimenti u l-ajruplani tal-gwerra taċ-Ċina, fi tmiem il-ġimgħa, ħadu sehem f’ ‘missjonijiet’ fiz-zona magħrufa bħala Taiwan Strait, b’xi azzjonijiet anki jinfiltraw il-linja medjana li tindika t-territorji tat-Tajwaniżi.

It-Tajwan, issa, qed jgħid li wieġeb b’mod xieraq għall-eżerċizzji ‘live fire’ taċ-Ċiniżi u wara li l-qawwiet taċ-Ċina wettqu simulazzjoni ta’ attakk fuq din il-gżira-Stat li involviet kwantità kbira ta’ tagħmir tal-gwerra.

Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru tat-Tajwan, Su Tseng-chang akkuża liċ-Ċina dwar ‘arroganza kbira’ u qal li l-eżerċizzji mill-qawwiet ta’ Beijing qegħdin iħarbtu l-istabbilità fir-reġjun.