Internazzjonali

Ukrajna: Jitilqu aktar vapuri bil-kunsinni tal-qamħ

Erba’ bastimenti oħra mgħobbijin bil-qmuħ u kunsinni tas-sunflower oil, ilbieraħ, salpaw ‘il barra mill-portjiet tal-Ukrajna huma u jużaw rotta tas-sigurtà speċifika fil-Baħar l-Iswed.

L-aħħar żviluppi qed iqanqlu ftit tat-tama li l-movimenti tal-kunsinni tal-qmuħ mill-Ukrajna jaqbad ritmu tajjeb fil-jiem li ġejjin. Dan wara li miljuni ta’ tunnuellati ta’ dawn il-qmuħ spiċċaw ‘iffriżati’ fl-imħażen tal-Ukreni minħabba l-assedju mill-qawwiet tar-Russja fuq dawk iz-zoni  Ukreni.

Il-waqfa fl-esportazzjoni tal-qmuħ mill-Ukrajna hi fattur prinċipali għalfejn il-prezzijiet tal-ikel żdiedu daqstant madwar id-dinja  – u meta numru ta’ pajjiżi anki qed jirrappurtaw in-nuqqasijiset tal-ikel.

Proprju l-ġimgħa l-oħra, bastiment partikulari sar l-ewwel wieħed li ħareġ b’kunsinna ta’ qamħ mill-Ukrajna minn Frar li għadda. Intant, kien ippjanat biex l-aħħar bastimenti li telqu mill-portijiet Ukreni jieqfu għal żmien fit-Turkija biex il-kunsinni tagħhom ikunu spezzjonati bħala parti minn ftehim bejn ir-Russja u n-Nazzjonijiet Uniti.

L-istess erba’ bastimenti telqu mill-portijiet ta’ Odessa u Chornomorosk u fl-aħħar sigħat kienu qed jivvjaġġaw minn zona ta’ baħar magħrufa bħala l-Bosphorus strait. Ladarba l-bastimenti jgħaddu mill-ispezzjonijiet kollha, tnejn minnhom għandhom jitfgħu l-ankri fit-Turkija – bl-oħrajn ikomplu jivvjaġġaw lejn l-Italja u ċ-Ċina.

Il-ftehim tax-xahar li għadda mar-Russja – sponsorjat min-NU u t-Turkija – jesiġi biex ir-Russi ma jattakkawx il-bastimenti li qed jivvjaġġaw bil-kunsinni tal-affarijiet essenzjali. Min-naħa tagħha, l-Ukrajna impenjat ruħha biex tmexxi l-bastimenti miz-zoni ta’ baħar perikolużi fejn fl-aħħar ġimgħat kienu tqiegħdu kwantità ta’ splussivi ( jew mines).

Il-ftehim ikkumplikat jidher li qed jaħdem, għalissa, u skont il-pjan li jibqa’ effettiv għal 120 jum. Intant, dan il-ftehim jista’ jiġġedded u jibqa’ għal aktar fit-tul dment li jaqblu dwar dan il-partjiiet kollha.