Ambjent Lokali

“Damet wisq biex ittieħdet l-azzjoni”

Ma nafux għalfejn għaddew is-snin biex ittieħdet azzojoni kontra Fredrick Azzopardi.

Dawn kienu l-ewwel kummenti tal-Moviment Graffiti hekk kif sar magħuf li nhar it-Tlieta, l-eks Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta se jkun qed jittressaq il-Qorti mixli li kiser il-liġijiet tal-protezzjoni tal-ambjent.

Azzopardi qed ikun akkużat li ordna lill-kuntrattur imqabbad minn Infrastructure Malta biex jibqa’ għaddej bix-xogħolijet li kienu qed isiru f’Wied Qirda f’Ħaż-Żebbuġ.

Dan meta l-istess xogħol kien twaqqaf mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi l-ERA.

Andrè Callus, mill-Moviment Graffiti, spjega kif kien Azzopardi stess illi insista li l-ordni tal-ERA tiġi injorata.

Callus qal li huwa ġust li jittieħdu l-passi kontra min jikser il-liġijiet b’dan il-mod. Madankollu qal li każi bħal dawn m’ghandhomx idumu daqsekk biex jipproċedu.

Il-kelliem ta’ Graffiti qal li hu pożittiv li l-passi jittieħdu fil-konfront ta’ min ikun ordna l-azzjoni u mhux tispiċċa teħel xi multa biss l-entità.

Ix-xogħolijiet f’Wied Qirda li hu protett bil-liġi minħabba n-natura unika u sensittiva li għandu saru lura fl-2019.

U f’April ta’ din is-sena, il-Qorti ddikjarat li Infrastructure Malta kienet injorat l-ordni ta’ ‘stop-and-comply’ maħruġa mill-ERA… billi ordnat lill-kuntrattur tagħha biex ikompli bix-xogħlijiet tat-triq.

Kif żvela x-xahar li ghadda s-sit NetNews.com.mt dan il-kuntrattur kien gie immultat, iżda din is-sentenza kienet inzammet mohbija; allegatament biex isem Frederick Azzopardi ma jitpoggiex f’dawl ħażin.