Lokali

Diskussi numri ta’ sfidi li qed jaffaċċjaw il-bdiewa

“Xogħolna bħala Oppożizzjoni huwa li nifhmu l-isfidi tan-nies u nfasslu soluzzjonijiet, inkluż għall-bdiewa Maltin u Għawdxin li jagħmlu servizz tant essenzjali għalina lkoll.”

Dan qalu Toni Bezzina, il-Kelliem tal-PN għall-Agrikoltura, s-Sajd u l-Provvista tal-Ikel waqt laqgħa li saret mal-Għaqda Bdiewa Attivi.

F’din il-laqgħa, ġew diskussi diversi sfidi li qed isibu ma’ wiċċhom il-bdiewa, li aktar kemm jgħaddi ż-żmien aktar qegħdin jikbru. Ġie diskuss ukoll x’jista jsir sabiex ikun hemm titjib fuq proġetti u kunċetti li qegħdin jiżviluppaw preżentament – bħall-proġett ‘New Water’ li jissupplixxi lill-bdiewa b’ilma għat-tisqija, għalkemm numru kbir ta’ bdiewa fin-nofsinhar ta’ Malta għadhom mhux igawdu minn dan il-proġett.

Fil-fatt, waqt din il-laqgha, issemma’ wkoll il-bżonn li dan l-ilma jintuża b’mod aktar għaqli sabiex igawdu minnu l-bdiewa genwini kollha ta’ pajjiżna.

Ġiet diskussa wkoll il-problema fil-prezzijiet tal-qbiela, li qed iwasslu għal piż sproporzjonat fuq il-bdiewa. Dan qed ikompli jhedded il-futur ta’ din l-industrija u jitfa’ dubji kbar dwar il-vijabbiltà tal-qasam.

Għaldaqstant, id-deputat Toni Bezzina saħaq illi jeħtieġ li jkun hemm aktar ħsieb fuq l-użu aktar għaqli tal-art, permezz ta’ metodi teknoloġiċi avvanzati li jassiguraw provvista aktar effiċjenti ta’ ikel.