Lokali

Fredrick Azzopardi jsib lil Muscat jiddefendih; jwissi li se jniżżel in-nies fit-toroq

L-eks Prim Ministru Laburista jgħid li l-pass fil-konfront ta' Azzopardi huwa "estrem" u "żbaljat"

“Din id-deciżjoni żbaljata, u ġġorr konsegwenzi. Xi ħadd irid ikun responsabbli”.

Din hija stqarrija tal-eks Prim Ministru Laburista Joseph Muscat, li permezz ta’ messaġġ fuq il-media soċjali kritika l-passi legali li se jittieħdu fil-konfront ta’ persuna qrib ferm tiegħu – Fredrick Azzopardi.

Kien Muscat stess li għażel lil Frederick Azzopardi bħala Kap Eżekuttiv tal-ARMS ftit wara l-elezzjoni tal-2013 biex fl-2018 poġġih imexxi Infrastructure Malta.

Wara li ġie żvelat li Azzopardi se jitressaq il-Qorti fuq ksur ta’ liġijiet għall-ħarsien tal-ambjent, Muscat ħass li kellu jikkritika dan il-pass, u ddeskrivih  bħala estrem. Dan filwaqt illi wissa li se jniżżel in-nies fit-toroq.

Muscat qal li hu dejjem iddefenda l-istituzzjonijiet. Iżda li issa jħoss illi xogholu hu li jiddefendi liċ-ċittadini “minn istituzzjonijiet li jogħtru ma’ ftit pressjoni”.

Muscat kompla jikteb li mhux qed jirreferi għall-Gvern, iżda naqas milli jkun ċar fi kliemu u jgħid għall-liema istituzzjonijiet kien qed jirreferi, jekk hux għall-Pulizija, għalll-Qrati jew għal xi ħadd ieħor.

Hu qal li l-prosekuzzjoni ta’ Fredercik Azzopardi mhijiex ġustifikata, u insista li biex ittieħdet din id-deċiżjoni seta’ kien hemm biss raġuni waħda.

“Il-funzjonarju pubbliku li ddeċidiha beża jew beżgħet li jiġi kkritikat jekk ma jagħmilx hekk għax kellha pressjoni mis-soltu nies biex jittieħed dan il-pass estrem”, sostna l-eks leader Laburista.

Anke hawn, fi kliemu, Muscat baqa’ misterjuż u ma qalx la min hu jew min hi l-funzjonarjau lanqas min hu li qed jagħmel il-pressjoni.

Dan il-każ jaf il-bidu tieghu meta kienu qed isiru x-xogħolijiet kontroversjali f’Wied Qirda Ħaż-Żebbuġ,  bl-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi tordna li x-xogħol jieqaf, iżda l-kuntrattur ta’ Infrastructure Malta baqa’ għaddej bix-xogħol għax kellu ordni ċara minn Fredrick Azzopardi biex jinjora dawn l-ordnijiet.

Intant, mhux Joseph Muscat biss ħareġ għonqu għall-eks Kap Eżekutiv ta’ Infrastructure Malta.

Anke l-attivist Laburista Manuel Cuschieri fuq Facebook ħeġġeġ in-nies jingħaqdu miegħu nhar it-Tlieta quddiem il-Qorti biex jiddefenu lil Frederick Azzopardi.