Lokali

“Għaddew tmien xhur u l-pjan tal-Gvern għall-Air Malta sfaxxa fix-xejn”- PN

Għaddew tmien xhur u ma sar xejn mill-pjan li kellu l-Gvern għall-Air Malta sabiex issir iktar vijabbli… mhux talli hekk talli l-pjan sfaxxa fix-xejn. Konsegwenza ta’ dan il-ħaddiema għadhom ma jafux x’se jsir minnhom.

Dan kien il-messaġġ ewlieni li ħareġ minn konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Kelliem Ewliena tal-Partit Nazzjonalista għall-Air Malta Ivan J Bartolo u mill-Kelliem għax-Xogħol Ivan Castillo.

Ivan Bartolo qal li f’Jannar li għadda l-Ministru Clyde Caruana u l-Kap Eżekuttiv tal-Air Malta ħabbru pjan ta’ bidla għall-Air Malta.. pjan li nbena fuq dak li fassal il-Partit Nazzjonalista PN fl-2012 għal-linja nazzjonali tal-ajru ta’ pajjiżna. Dan il-pjan kien jikkonsisti f’seba’ tibdiliet fosthom li jkun hemm tnaqqis fl-impjiegi, tmiem ta’ rotot li ma kinux vijabbli u li l-Air Malta kellha ssir European Network Carrier. Iżda llum tmien xhur wara l-pjan li ħabbar il-Gvern, huwa evidenti li ma tfassalx pjan kif suppost.

Ivan Bartolo tefa’ dawl fuq id-diskrepanza li qed tinħoloq fil-pagi hekk kif is-salarji tal-ħaddiema tal-Air Malta huma differenti minn dawk tal-ħaddiema tal-Gvern. Huwa stieden lill-Ministru responsabbli mill-Air Malta biex jgħid jekk il pjan li tħabbar tmien xhur ilu għadux kredibbli filwaqt li jgħid f’liema stat wasal.

MIn-naħa tiegħu d-Deputat Nazzjonalista Ivan Castillo qal li l-pjan inizjali tal-Gvern kien li sat-12 ta’ Awissu jkun sar ir ristrutturar kollu meħtieġ u kulħadd ikun sab postu… iżda dan kollu sfaxxa fix-xejn hekk kif għalissa dawn il-ħaddiema se jibqgħu impjegati tal-Air Malta.

Saħaq li jekk il-Gvern ma jagħmilx fil-prattika dak li jwiegħed, ma jistax jistenna li jkun kredibbli. Dan hekk kif huwa ċar li l-Gvern ma mexiex ta’ raġel mal-ħaddiema tal-Air Malta. Ivan Castillo qal li dan kollu qed jitfa’ dubju dwar dwar kemm l-Unjoni Ewropea se tkun tista’ tagħti lil pajjiżna l-istate aid.