Internazzjonali

Iċ-Ċile: Inkwiet dwar sinkhole li kapaċi ‘jibla l-Arc de Triomphe’

L-awtoritajiet tas-sigurtà fiċ-Ċile huma mħassbin dwar ħofra kbira fl-art – jew sinkhole – li qed tikber b’rata konsistenti u b’ritmu ‘inkontrollabbli’.

Fil-fatt, dan is-‘sinkhole’ irdoppja fid-daqs mindu feġġ fit-30 ta’ Lulju u tant kiber li, skont l-esperti, kapaċi ‘jibla’ oġġetti kbar daqs l-Arc de Triomphe ta’ Pariġi’.

Is-‘sinkhole’ jinsab f’zona tal-minjieri viċin il-komunità ta’ Tierra Amarilla, fil-belt ta’ Copiapo. Intant, is-sitwazzjoni wasslet biex l-uffiċjali ta’ minjiera li tipproduċi r-raham iwaqqfu x-xogħol  fis-sit, ftit ‘il bogħod mill-ħofra.

Dan is-‘sinkhole’ – skont l-aħħar kalkoli — hu twil madwar 50 metru waqt li għandu fond ta’ 200 metru.