Internazzjonali

Iċ-Ċina: Tibda sensiela ġdida ta’ eżerċizzji militari viċin it-Tajwan

Il-militar taċ-Ċina qed ikompli l-eżerċizzji militari fuq livell intensiv fiz-zona madwar it-Tajwan u wara li fi tmiem il-ġimgħa intemmet fażi ta’ manuvri mill-istess qawwiet Ċiniżi fuq livell ta’ live fire drills.

Il-qawwiet Ċiniżi fl-aħħar sigħat kienu qed iħejju l-provi għal kontra l-attakki bis-sottomarini, b’xi fergħat tal-Armata jitħarrġu wkoll għal rejds fuq il-baħar.

L-aħħar movimenti aggressivi miċ-Ċina qed isiru b’reazzjoni għaż-żjara tal-aħħar jiem fit-Tajwan mill-iSpeaker tal-Kamra Amerikana tar-Rappreżentanti Nancy Pelosi…Żjara li l-Gvern komunista f’Beijing qed ifisser bħala ‘provokazzjoni kbira’.

Iċ-Ċina tqis lit-Tajwan bħala provinċja ribelluża u tinsisti li għandha d-dritt li tieħu lill-gżira-Stat lura bil-forza jekk tqis li dan hu neċessarju. Il-Gvern komunista f’Beijing lanqas ma jittollera kwalunkwe għarfien tat-Tajwan bħala pajjiż indipendenti u minkejja li t-Tajwaniżi jqisu lilhom infushom bħala entità demokratika u kompletament distinta miċ-Ċina.

It-Tajwan akkuża liċ-Ċina li l-eżerċizzji militari tagħha huma prattika għall-invażjoni, ‘il quddiem, tal-gżira-Stat. Iżda t-Tajwaniżi, fl-aħħar sigħat sostnew li l-vapuri tal-gwerra Ċiniżi ( waqt l-eżerċizzji) ma daħlux fl-ibħra territorjali tat-Tajwan li jestendu sa tnax-il mil nawtiku ‘il hinn mill-kosta.

Sadanittant, l-Istati Uniti, l-Awstralja u l-Ġappun kollha kkundannaw l-eżerċizzji militari tal-komunisti viċin it-Tajwan, fost akkużi li Beijing irid jibdel l-istatus kwo fit-Taiwan Strait – iz-zona tal-baħar mifruxa fuq 180 kilometru u li tinsab bejn l-artijiet Tajwaniżi u ċ-Ċina.