Internazzjonali

Il-Gwerra fl-Ukrajna: Twissija li kwalunkwe attakk qrib  faċilità nukleari hu simili għal ‘suwiċidju’

Is-Segretarju-Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti Antonio Guterres insista biex l-ispsetturi jingħataw aċċess għall-akbar faċilità nukleari fl-Ukrajna u li wkoll l-akbar waħda fl-Ewropa. Dan wara li l-kumpless u l-madwar spiċċaw il-mira ta’ diversi attakki waqt il-gwerra li għaddejja bħalissa fl-artijiet Ukreni.

L-Ukrajna u r-Russja t-tnejn akkużaw lil xulxin b’li qed jibbumbardjaw is-sit inkwistjoni fil-belt ta’ Zaporizhzhia – bil-battalji ta’ tmiem il-ġimgħa fl-inħawi jwasslu għal twissija mingħand l-International Atomic Energy Agency (IAEA) li s-sitwazzjoni kapaċi twassal malajr għal diżastru nukleari storiku.

L-IAEA hi l-osservatur tan-Nazzjonijiet Uniti fis-settur nukleari u Antonio Guterres għamilha ċara li kulmin jażżarda jwettaq il-vjolenza viċin ta’ faċilitajiet hekk sensittivi jkun qed jilgħab litteralment man-nar u li azzjonijiet bħal dawn huma simili għal suwiċidju.

L-aġenzija nukleari tal-Ukrajna Enerhoatom issa qalet li r-Russi qegħdin ‘jirrikattaw lid-dinja kollha’ bit-theddid li ‘jistgħu jtajjru l-faċilità ta’  Zaporizhzhia.’ Dan fost rapporti li l-Ġeneral  Valery Vasiliev – il-kap tal-qawwiet tad-difiża Russi għal kontra l-armi kimiċi u bioloġiċi – qal li ‘l-art (tal-faċilità) jew issir tar-Russja inkella tinbidel f’deżert għeri’.,

U skont l-Enerhoatom, Vasiliev wissa wkoll li r-Russi, fl-aħħar jiem, qiegħdu l-isplussivi qalb il-faċilitajiet kolha tal-faċilità nukleari ta’  Zaporizhzhia. Fl-istess ħin, ir-Russi qed jakkużaw lill-Ukreni b’li qed jibbumbardjaw dik il-faċilità, b’Moska tesiġi ‘biex il-Punent iwaqqaf lill-Ukrajna milli tippersisti bl-azzjonijiet perikolużi’.