Lokali

“Is-sitwazzjoni tal-għases hija waħda mwegħra“

Is-sitwazzjoni tal-għases tal-Pulizija hija waħda mwegħra. Dan qalu l-Viċi-President tal-Malta Police Union Marlon Hili, f’kummenti lil dan l-istazzjon hekk kif issa l-Pulizija ilhom xhur sħaħ jilmentaw dwar dawn il-kundizzjonijiet.

Il-Pulizija jqagħttu l-maġġoranza tal-ħin tagħhom f’għassa b’kundizzjonijiet diżastrużi u l-MPU diġa’ ppubblikat ritratti fuq il-mezzi soċjali tal-kundizzjonijiet li hemm f’uħud mill-għases tal-Pulizija. Huwa jispjega li fl-għases m’hemmx ambjent adattat u l-livell tal-għases għandu jkun man-norma ta’ dawn iż-żminijiiet.

Marlon Hili qalilna li din is-sitwazzjoni ma tgħinx fil-motivazzjoni tal-ħaddiema, u l-Pulizija ma jkunux jistgħu jipprovdu l-aħjar servizz għall-poplu Malti u Għawdxi.

Sentejn ilu l-Korp tal-Pulizija nieda strateġija ta’ trasformazzjoni, iżda ftit li xejn kien hemm progress. Bit-Times fl-editorjal tagħha fil-ħarġa tat-Tnejn, tgħid illi inħlew sentejn prezzjużi.

Għal daqstant, huwa kkomferma li riċentament ġew imnedija pjanijiet sabiex ċertu għases saħansitra jinbnew mill-ġdid. Dan ikompli jimxi mal-proposta tal-MPU sabiex jitjiebu l-kundizzjonijiet tax-xogħol b’ambjent aċċettabli fl-għases tal-Pulizija.

Dawn id-diskussjonijiet għadhom biss il-bidu għaliex għad hemm ħafna xogħol li għadu jrid isir iżda l-MPU tittama li jsir aktar progress fiż-żmien li ġej sabiex titħares il-kwalita’ tal-ħajja tal-Pulizija.